• Team Owen Bonnici

Laqgħa pożittiva bejn il-Ministru Bonnici u l-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija


Waqt laqgħa bejn il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija wara Covid-19 Owen Bonnici u l-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija l-Perit David Xuereb, iż-żewġ partijiet qablu li l-innovazzjoni u r-riċerka huma kruċjali għall-aħjar futur ekonomiku ta’ Malta u ta’ Għawdex.

Il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija wara Covid-19 Owen Bonnici rringrazzja lill-Kamra tal-Kummerċ Maltija ta’ din il-laqgħa pożittiva li fiha ġiet diskussa l-importanza tar-riċerka u tal-innovazzjoni anke fil-kuntest tal-istrateġija għal Malta wara l-Covid-19.

Dr Bonnici qal, “Din il-laqgħa qed tikkonstata dak li jemmnu b’mod b’saħħtu ħafna ż-żewġ naħat - li r-riċerka u l-innovazzjoni għandhom ikunu fil-qofol tal-avvanz soċjali u ekonomiku ta’ pajjiżna anke fit-tfassil ta’ triq ’il quddiem wara li tgħaddi l-pandemija tal-COVID-19. Kommessi fuq il-ġid kbir li joħroġ b’ħidma koperattiva għat-titjib hija tal-ħajja tal-familji u n-negozji”.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ il-Perit David Xuereb tkellem dwar l-importanza li dan il-ministeru ser ikollu biex jipprepara strateġija ekonomika u soċjali biex il-pajjiż jaqbad it-triq lejn irkupru wara l-pandemija li tkun ibbażata fuq ekonomija sostenibbli, diġitali u innovattiva. Huwa tenna li l-Kamra diġà għamlet ħafna xogħol siewi permezz ta’ kumitati interni fosthom it-Think Tank f’dawn l-aħħar xhur. Il-Kamra u l-membri tagħha ser ikunu lesti li jaħdmu id f’id mal-gvern għall-aħjar strateġija post-Covid.

Il-partijiet qablu dwar il-ħtieġa ta’ iktar ħidma bejn l-entitajiet rispettivi fis-setturi li ġew diskussi matul il-laqgħa.



11 views0 comments