• Team Owen Bonnici

l-ewwel edizzjoni tal-Premji Nazzjonali għax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika







Titnieda l-ewwel edizzjoni tal-Premji Nazzjonali għax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika (National STEM Awards)

Il-Ministru Owen Bonnici nieda l-ewwel edizzjoni tal-Premji Nazzjonali għax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika (STEM) li se jkunu ospitati fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza.

L-aqwa professjonisti f’Malta se jiġu ppremjati, rikonoxxuti u onorati għall-kontribut li taw fil-qasam tagħhom fix-xjenza, it-teknoloġija, i-inġinerija u l-matematika (STEM) u b’hekk lis-soċjetà b’mod ġenerali. Dawn il-premji huma frott l-inizjattiva ta’ STEM Engagement Working Group immexxi minn Esplora.

Il-kategoriji tal-Premji Nazzjonali STEM għandhom l-għan li jonoraw u jirrikonoxxu lil dawk il-persuni u l-entitatjiet li bis-saħħa tal-espressjoni personali tagħhom qajmu aktar għarfien dwar il-pilastri STEM kemm lokalment kif ukoll f’ċerti każijiet barra minn xtutna.

Għall-fini ta’ dawn il-premji, is-suġġetti STEM ikopru x-xjenzi tal-ħajja, ix-xjenzi fiżiċi, il-matematika, l-IT, l-inġinerija u x-xjenza ambjentali.

Il-Ministru Bonnici tenna li, “Huwa fid-dmir tagħna li nirrikonoxxu u nonoraw lill-professjonisti tagħna għall-kontribut li taw fil-qasam tagħhom fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika u b’hekk taw kontribut lis-soċjetà b’mod ġenerali. Dan hu l-iskop ta’ dawn il-premji nazzjonali biex permezz t’hekk, inkomplu nqajmu aktar għarfien dwar dawn is-suġġetti kemm lokalment u anke barra minn xtutna”.

Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll iċ-Chairperson tal-Kulleġġ Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Dr Jeffrey Pullicino Orlando li qal li, “Huwa evidenti li hemm nuqqas ta’ ħiliet f’ċerti industriji, partikolarment fil-qasam ta’ STEM. Permezz ta’ dawn il-miżuri bħall-Premji Nazzjonali STEM, il-working group qed jilgħab rwol importanti sabiex iqanqal l-interess tal-pubbliku fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika u b’hekk jgħin biex jindirizza dan il-fenomenu”. Żied jgħid li dawn il-premji se jkunu qed jiġu mogħtija kull sentejn u ċ-ċerimonja qed isservi tajjeb ħafna bħala pjattaforma li tirrikonoxxi u tonora l-ħidma impekkabbli u bla heda tal-professjonisti li jaħdmu fil-qasam ta’ STEM – li jvarjaw mill-edukazzjoni, l-ekonomija u s-soċjetà.

Il-Premji Nazzjonali STEM se jingħataw għall-kategoriji li jmiss:

Best Primary Class Teacher for Inspiring Children in STEM, Best Secondary School Teacher for Contribution to STEM, Lifetime Contribution to STEM, Young Researcher, Engaged Researcher, Women in STEM, STEM Ambassador, Best STEM Employer, Best STEM Community Project u Best STEAM Project (People’s Choice).

Dawk li huma interessati li jinnominaw lilhom stess jew lil xi ħadd tal-għażla tagħhom, għandhom jagħmlu dan sal-15 ta’ Frar 2021 permezz tal-formola online billi jsegwu l-ħolqa https://esplora.org.mt/national-stem-awards-guidelines-for-nominators-and-nominees/ li tinkludi wkoll informazzjoni dwar il-Kundizzjonijiet Ġenerali għan-Nominazzjoni u l-Kriterji ta’ Eliġibbiltà u Evalwazzjoni.

Barra minn hekk, Esplora qed jesebixxi wirja ta’ posters dwar professjonisti fil-qasam STEM. Din il-wirja se tkun miftuħa għall-pubbliku minn Jannar sa Marzu. Apparti l-wirja, qed jiġu prodotti wkoll serje ta’ erba’ videos u ktejjeb diġitali li jiffukaw fuq professjonisti STEM. Il-ktejjeb jista’ jitniżżel b’xejn minn http://esplora.org.mt/wp-content/uploads/2021/01/STEM-Booklet-1.pdf.



0 views0 comments
  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436