• Team Owen Bonnici

Kumpanija Maltija b'suċċess bil-kummerċjalizzazzjoni ta' teknoloġija fil-qasam tal-akwakultura

Kumpanija Maltija tikseb suċċess bil-kummerċjalizzazzjoni ta' teknoloġija li żviluppat fil-qasam tal-akwakultura u oqsma marittimi





Kumpanija Maltija żviluppat teknoloġija tagħha fil-qasam tal-akwakultura u llum din l-istess teknoloġija hi mifruxa mad-dinja kollha. Fost dawn l-innovazzjonijiet insemmu l-iżvilupp ta' sistemi tal-akwakultura għall-futur, Akwakultura 4.0, u teknoloġiji li jiffukaw fuq l-użu għal iktar minn għan wieħed tal-ispazji miftuħa tal-baħar u oħrajn li jieħdu ħsieb ukoll l-impatt tat-tibdil fil-klima.


Il-Ministru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-Ko-ordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara l-COVID-19 Dr Owen Bonnici fi żjara li għamel lil din il-kumpanija fiċ-ċentru tagħha fil-Mosta sostna li AquaBio Tech Group hi eżempju ċar li juri kif bis-saħħa tar-riċerka u l-innovazzjoni wieħed jista' mhux biss joħloq attività ekonomika importanti ħafna, imma jinfluwenza għall-aħjar il-prattiċi u uzi fuq livell internazzjonali. Qal li l-Gvern irid jibni ekosistema robusta ta' innovazzjoni sabiex iktar kumpaniji jkunu jistgħu jikkomerċjalizzaw ir-riċerka tagħhom f'diversi setturi ekonomiċi.


Dr Bonnici spjega li din il-kumpanija, li timpjega 85 ruħ, ingħatat Ewro 2.45 miljun f'fondi għar-riċerka mill-Unjoni Ewropea u kisbet rikonoxximenti kemm lokali u internazzjonali. Waqt iż-żjara tiegħu, Dr Bonnici ġie muri x-xogħol li twettaq din il-kumpanija mill-Kap Eżekuttiv Shane A. Hunter u d-Direttur għall-Iżvilupp tal-Business George D.Mantas.


L-AquaBio Tech Group, Ii ġiet imwaqqfa fl-1996, toffri servizzi teknoloġiċi ta' livell dinji fil-qasam tal-akwakultura, sajd u proġetti f'ambjenti akwatiċi u servizzi ta' konsulenzi u inġinerija fid-disinn, kostruzzjoni u t-tħaddim ta' faċilitajiet ta' akwakultura state-of-the-art. Fiċ-ċentru tagħha fil-Mosta, il-kumpanija tagħmel ukoll l-attivitajiet tagħha ta' riċerka għal għadd ta' kumpaniji internazzjonali fil-kamp tal-awkakultura f'laboratorji apposta.


Minbarra dan, I-kumpanija tagħmel diversi proġetti ta' riċerka ffinanzjati minn programmi Ewropej u Maltin. B'kollox il-kumpanija għandha iktar minn 200 kollaborazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qasam tar-riċerka.




4 views0 comments