• Team Owen Bonnici

Korsijiet għall-adulti għas-sena akkademika 2020/2021



Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici nieda uffiċjalment il-Prospett tal-korsijiet offruti għall-adulti għas-sena akkademika 2020/2021.

Il-Ministru Bonnici qal li t-tagħlim huwa proċess kontinwu tul il-ħajja u stqarr li, “aħna bħala Gvern ninsabu kommessi fit-tisħiħ tal-edukazzjoni għall-adulti sabiex dawn ikollhom opportunità jtejbu l-ħiliet tagħhom, jilħqu l-għanijiet personali, u jżidu ċ-ċans għall-impjegabilità. F’dinja moderna li għaddejja minn żvilupp kontinwu, l-edukazzjoni ma tistax tibqa’ limitata sal-età obbligatorja—l-iżviluppi kontinwi permezz tal-edukazzjoni huma ta’ importanza fundamentali. It-tagħlim mhux biss jissoda l-inklużjoni soċjali, iċ-ċittadinanza attiva u l-iżvilupp personali, imma saħansitra s-sostenibbiltà, il-kompetittività u l-impjegabilità.”

“Jien kuntent ħafna nara li ċertu deċiżjonijiet ittieħdu wara li analizzajna l-impatti tagħhom kemm fuq l-istudenti kif ukoll fuq l-edukaturi. Dawn id-deċiżjonijiet se jġibu xi tibdil fil-mod kif jopera t-Tagħlim tul il-Ħajja imma jien ċert li l-bidliet li se naraw se jkunu ta’ benefiċċju għas-settur edukattiv. Li tbaxxi l-età tal-istudenti li jistgħu japplikaw għall-korsijiet li qed jiġu offruti u anki x-xogħol li sar għal uħud mill-korsijiet sabiex dawn ikunu jistgħu jingħataw onlajn se jkollu impatt pożittiv fuq dawk kollha nvoluti”, ikkonkluda l-Ministru Bonnici.

Għall-ewwel darba, numru ta’ korsijiet se jingħataw kompletament onlajn. Dan se jseħħ wara s-suċċess tat-tranżizzjoni mill-klassijiet tradizzjonali għal dawk onlajn waqt il-lockdown parzjali matul l-imxija tal-COVID-19, wara li l-klassijiet tas-soltu kellhom jitwaqqfu ħesrem minħabba l-pandemija.

Apparti minn hekk, minn din is-sena, l-età tal-applikazzjoni għall-korsijiet tniżżlet għal 15-il sena. Din id-deċiżjoni ttieħdet bħala miżura preventiva kontra t-tluq bikri mis-sistema edukattiva, fejn se jkunu offruti lezzjonijiet b’rata raġonevoli ħafna għal dawk l-istudenti li ma jistgħux iħallsu għal-lezzjonijiet privati bi preparazzjoni għall-eżamijiet tas-SEC.

Matul is-sena akkademika 2019-2020, aktar minn 8,500 adult segwew il-korsijiet offruti mid-direttorat. Minkejja d-diffikultajiet li nqalgħu waqt l-imxija tal-coronavirus, il-korsijiet xorta waħda ngħataw b’suċċess kbir, anki jekk onlajn.

Waqt is-Sena Akkademika 2020/2021, il-Lifelong Learning Unit fi ħdan id-Direttorat tar-Riċerka, Tagħlim Tul il-Ħajja u Impjegabilità se joffri aktar minn 400 kors f’77 suġġett differenti, li jinkludu anke suġġetti vokazzjonali.

Il-korsijiet offruti se jinkludu:

- Ħiliet Bażiċi li huma korsijiet introduttorji li jgħinu jsaħħu l-abbiltajiet bażiċi fil-qari, kitba, matematika u informatika.

- Tagħlim tal-Lingwa fi 11-il lingwa differenti offruti fuq livelli MQF 1 u 2, ĊES u Livell Avvanzat.

- Tisħiħ fl-Edukazzjoni u fil-Prospetti ta’ Karriera – dawn il-korsijiet li jinkludu tagħlim akkademiku kif ukoll vokazzjonali, huma mfassla speċifikament biex isaħħu l-prospetti ta’ karriera.

- Korsijiet Marbuta mas-Saħħa maħsuba sabiex jgħinu lill-istudenti jagħmlu għażliet siewja għal saħħithom.

- Espressjoni Kreattiva – aktar minn 20 kors ta’ arti u artiġjanat imfassla biex jagħtu l-opportunità lill-istudenti juru l-ħiliet kreattivi tagħhom.

Il-korsijiet immarkati MQF huma akkreditati mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (NCFHE).

L-applikazzjonijiet għall-korsijiet li se jibdew f’Ottubru 2020 sa Jannar 2021 jew Mejju 2021, se jkunu miftuħin mill-15 ta’ Lulju sas-7 ta’ Awwissu 2020.

Il-Prospett għall-korsijiet u l-applikazzjonijiet huwa disponibbli fuq is-sit www.lifelonglearning.gov.mt

  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo