top of page

Konkluż b’mod definittiv ix-xiri tas-sede tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu AD 1906



 

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali kkonkluda b’mod definittiv il-proċess tax-xiri tas-sede tal-Għaqda tal-Mużikali  San Gejtanu AD 1906 fil-Ħamrun, b’investiment ta’ €2.8 miljun u b’hekk telgħu għal ħdax l-ammonti ta’ sede ta’ soċjetajiet mużikali li l-gvern ikkonkluda b’mod definittiv il-proċess ta’ xiri tagħhom.

 

Din il-proprjetà tingħaqad ma’ għaxar binjiet oħra okkupati minn soċjetajiet mużikali diversi, li huma s-sede tas-Soċjetà Mużikali Marija Reġina Marsa A.D.1977, is-sede tal-Għaqda Mużikali Stella Levantina ta’ Ħ’Attard, is-sede taċ-Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja tal-Kalkara, is-sede tas-Soċjetà Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara, is-sede tas-Soċjetà Mużikali Antoine de Paule ta’ Raħal Ġdid, is-sede tas-Soċjetà Mużikali Stella Maris ta’ Tas-Sliema, is-sede tal-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen ta’ Birżebbuġa, s-sede tal-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici ta’ Ħal Qormi, s-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Mosta u s-socjeta` Sant`Andrija ta’ Ħal Lija, li issa l-gvern hu s-sid tal-binja prinċipali li minnha jaħdmu dawn is-soċjetajiet.

 

Fl-istess waqt hemm proprjetà oħra li l-ministeru, permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti, jinsab f’konvenju mas-sidien privati tagħha.

 

Dawn it-tnax-il soċjetà kollha kienu f’riskju serju ta’ żgumbrament minħabba s-sitwazzjoni legali marbuta mal-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995.

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li s-soċjetajiet mużikali fl-irħula u bliet tagħna għandhom rwol kruċjali fit-trawwim tal-iżvilupp kulturali u l-progress soċjali fost il-familji. Huwa qal li ħafna drabi l-persuni attivisti fi ħdan is-soċjetajiet mużikali jixprunaw l-inizjattivi li jippromwovu l-arti, l-edukazzjoni, il-konservazzjoni ambjentali, u l-ġid soċjali fid-diversi komunitajiet.

 

“Dawn l-għaqdiet jiddependu ħafna fuq l-ispazji li jokkupaw biex iwettqu xogħolhom b’mod effettiv fil-qalba tal-komunitajiet u għalhekk żgumbrament kien mhux biss jipperikola serjament l-operat tagħhom iżda wkoll jhedded l-eżistenza tagħhom. Is-soċjetajiet mużikali huma element kruċjali fl-organizzazzjoni u l-ħidma ewlenija tal-festa rispettiva”, kompla jgħid il-Ministru Owen Bonnici.

 

“Għalhekk, kien essenzjali li nieħdu miżuri proattivi biex nipproteġu lill-każini bħas-sede ta’ dan li akkwistajna llum. Xogħolna mhuwiex biss li nissalvagwardjaw il-kapaċità u t-talent ta’ dawn in-nies, imma rridu nkomplu nsostnu l-valuri fundamentali tad-diversità u l-espressjoni kulturali għal futur b’iktar kultura fih”, temm jgħid il-ministru.

 

Min-naħa tiegħu, Eric Fenech Sevasta, Direttur għall-Affarijiet Korporattivi fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti qal, “Grazzi għall-inizjattivi ta' din ix-xorta, bħala Kunsill qed inkomplu nimplimentaw l-istrateġija tagħna b'mod li jgħin biex niddefinixxu l-iżvilupp kulturali u t-tradizzjonijiet li jagħmluna Maltin, dejjem b'mod sostenibbli.”

 

B’kollox il-gvern hu mistenni li jinvesti total ta’ €19-il miljun meta wieħed iqis l-ammont li diġà ġie investit fl-akkwist tal-ħdax-il proprjetà msemmija u l-ammont li jrid jinħareġ meta wieħed iqis li hemm proprjetà oħra li għad irid isir kuntratt finali dwarha.







 

Kommentare


bottom of page