top of page

Jitlesta r-restawr tal-Kappella ta’ Santa Marija f’Ħal Safi

Kitba meħuda mill-Orizzont (Is-Sibt 13 ta’ Awwissu 2022) paġna numru 20.



Tlesta r-restawr tal-Kappella ta’ Santa Marija f’Ħal Safi, taħt il-gwida tad-Direttorat tar-Restawr b’investiment ta’ €100,000.


Dan ir-restrawr sar permezz tal-Iskema ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali – skema li mill-2015 issarrfet fit-tlestija ta’ 30 proġett madwar Malta filwaqt li għaddej ix-xogħol fuq għaxar proġetti oħra.


Waqt żjara fuq il-post, il Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li proġetti bħal dawn ikomplu juru biċ-ċar l-impenn tal-Gvern lejn il-wirt kulturali fil-lokalitajiet tagħna. “Dawn iż-żoni jridu jkunu aċċessibbli għal kull min iżurhom filwaqt li jiġi ppreservat il-wirt storiku, kulturali, u intanġibbli li jinsab fihom.”


Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li x-xogħol ta’ restawr fuq il-Kappella ta’ Santa Marija hu xhieda tal-ħidma u l-impenn tal-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr.


Il-kappella ddedikata lil Santa Marija nbniet fl-1761 mill-Perit Anġlu Bonnici u ħadet post kappella iżjed antika li kienet tmur lura għas-Seklu 16. Din il-kappella tinsab fil-qalba ta’ Ħal Safi, viċin tal-knisja parrokkjali. Ix-xogħol kollu, mill-bidu tad-dokumentazzjoni u l-applikazzjoni għall-permess, kif ukoll ix-xogħol fuq il-kappella nnifisha, sar mid-Direttorat tar-Restawr.


Ix-xogħol kien jinkludi tindif tal-faċċata prinċipali u dik tal-ġenb, is-saqaf u l-koppla, ftuħ ta’ fili u tikħil b’materjal adattat, tibdil ta’ ġebel deterjorat u mili bbażat fuq ġir, tneħħija ta’ kisi bis-siment u taz-zokklatura li ġie mibdul ma’ kisi adegwat, mili ta’ xquq minn fejn kien qiegħed jinfiltra l-ilma għal ġewwa, tiswija fuq id-deffun tas-saqaf u l-koppla, u tiswija tal-blata tal-bieb prinċipali.

bottom of page