top of page

Jitħabbar investiment ta’ €1.2 miljun għal Karnival iktar sostenibbli



Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar investiment ta’ €1.2 miljun għall-Karnival ta’ Malta f’makkinarju modern li ser jgħolli l-kwalità u l-istandard tal-Karnival Malti.

Għall-edizzjoni li jmiss tal-Karnival fi Frar li ġej, l-Aġenzija Festivals Malta ser tibda tuża 20 vettura ġdida li se jkunu mgħammra b’teknoloġija moderna. Dawn ser jintużaw mill-parteċipanti tal-Karnival biex jittrasportaw il-karrijiet tagħhom mill-imħażen għall-Belt Valletta, kif ukoll biex ikunu jistgħu jduru mat-toroq tal-Belt Valletta waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival bl-aktar mod sigur possibbli. Dan l-investiment jinkludi wkoll 20 trailer ġdid li ser jibdew jintużaw mis-sena d-dieħla.

Il-Ministru Owen Bonnici spjega kif permezz ta’ din l-inizjattiva, jistgħu jkomplu jilħqu l-mira ta’ dan il-Gvern għal festivals aktar sostenibbli li jnaqqsu l-impatt negattiv fuq l-ambjent. “Id-dilettanti tal-karnival jiddedikaw ħafna ħin biex itellgħu dan l-avveniment importanti, li għalihom mhux biss huwa delizzju, iżda huwa parti sinifikanti mill-ħajja tagħhom u b’hekk dawn l-20 trailer u 20 vettura żgur se jkunu ta’ għajnuna f’din il-ħidma li tagħmel differenza fil-ħajja ta’ ħafna nies li jgawdu dawn l-jiem tal-Karnival,” qal il-Ministru Bonnici.

Il-Ministru Bonnici rringrazzja lill-voluntiera tad-dedikazzjoni u l-ħin tagħhom fil-preparazzjonijiet għal dan l-avveniment, li fih jiġbor numru ta’ talenti u ħiliet differenti.

Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, saħaq li dan l-investiment huwa biss wieħed mill-passi li Festivals Malta ser ikun qed jieħu biex mhux biss jgħolli l-livell tal-Karnival f’Malta, iżda wkoll biex inaqqas l-impatt ambjentali b’mod konsiderevoli. Zahra kompla jgħid, “Dawn il-vetturi huma mgħammra b’diversi karatteristiċi tal-ogħla livell f’dik li hija sigurtà għaldaqstant huwa ferm aktar sigur biex wieħed jaħdem bihom. Allura apparti li jnaqqsu t-tniġġis, dan l-investiment ser jgħina nissalvagwardjaw is-saħħa u s-sigurtà tal-parteċipanti tal-Karnival. Fl-istess waqt il-pubbliku numeruż li jattendi għall-attivitajiet tagħna, partikolarment il-Karnival, ikun f’post sigur li jista’ jgawdi flimkien mal-familja, għax għalina is-saħħa u s-sigurtà huma prijorità f’kull avvenimenti li norganizzaw.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala, qalet “Dawn il-vetturi ifissru bidla għall-Karnival ta’ Malta, fejn fi snin passati kellna nużaw makkinarju xejn addattat bħala mezz ta’ trasport għall-karrijiet. B’hekk issa ser niffaċilitaw il-ħajja u x-xogħol tal-parteċipanti tagħna, kif ukoll ser inħallu inqas impatt fuq l-ambjent ta’ madwarna. Bis-saħħa ta’ dawn il-vetturi u miżuri oħra, Festivals Malta ser ikun qed inaqqas il-carbon footprint tiegħu u jnaqqas l-emissjonijiet fl-arja b’madwar 50 tunnellata tul il-ħamest ijiem tal-karnival. Apparti minn hekk, ser inaqqsu wkoll it-tniġġis ikkaġunat mill-istorbju li kienu jagħmlu vetturi normali.”

Apparti l-investiment f’dawn il-vetturi, Festivals Malta ser ikun qiegħed jalloka numru ta’ kontenituri imxerdin mat-toroq tal-Belt Valletta, li fihom ser jinġabar l-iskart organiku, kif ukoll il-plastik u l-laned, b’mod separat. B’hekk Festivals Malta ser ikun qiegħed iservi ta’ eżempju għal festivals aktar sostenibbli.

Il-Karnival ta’ Malta ser isir bejn is-17 u l-21 ta’ Frar. Għal aktar informazzjoni żur www.festivals.mt/karnival









Comments


bottom of page