• Team Owen Bonnici

Jitħabbar il-kunċert ‘Ħuġġieġa’ tal-banda ‘12th May’



Il-banda 12th May ta’ Ħaż-Żebbuġ bħalissa qed tipprepara għall-proġett ‘Ħuġġieġa’, kunċert li se jittella’ nhar is-Sibt 16 ta’ Novembru fis-sala Sir Temi Zammit fl-Università ta’ Malta. Dan il-proġett kien possibbli grazzi għall-Project Support Grant tal-Kunsill Malti għall-Arti li jaqa’ taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.


Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici rrefera għall-importanza li jiġu appoġġati dawn l-avvenimenti li jsiru mill-organizzazzjonijiet artistiċi u kulturali. “Il-Kunsill Malti għall-Arti għandu rwol essenzjali fit-twessigħ tal-kalendarju kulturali tagħna. Proġetti ta’ din is-sura huma mod opportun għall-artisti u l-mużiċisti biex ikomplu jsaħħu t-talent artistiku tagħhom. Il-kunċert se jkun qed jipprovdi wkoll lok biex l-artisti juru t-talent tagħhom.” Owen Bonnici kkonkluda li dan il-gvern huwa kommess li jkompli jsaħħaħ il-pjattaforma kulturali lokali għal aktar suċċessi fil-futur.


F’ ‘Ħuġġieġa’ jiltaqgħu diversi forom ta’ arti jiċċelebraw il-qawwa tan-nar bis-seħer li kellu fuq il-bniedem mill-qedem sa żminijietna. Il-kompożituri Alex Vella Gregory, Véronique Vella, Albert Garzia u Euchar Gravina salpaw fuq dan il-vjaġġ artistiku biex ikkomponew mużika kontemporanja għall-banda sinfonika 12th May. Fil-qalba tagħha, il-mużika hija mnebbħa mill-versi bit-tema tan-nar miktubin minn Sebastian Saliba kif ukoll mill-esperjezi personali u artistiċi tal-kompożituri stess.


Il-mużika se tkun taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Herman Farrugia Frantz bis-sehem tas-sopran Francesca Aquilina flimkien mal-atturi Carmel Gauci u Karl Schembri. L-udjenza preżenti se tassisti wkoll għal spettaklu viżwali mill-artist Andrew Schembri li għandu esperjenza wiesgħa fil-qasam tad-dawl sinkronizzat mal-mużika. Is-Sur Schembri se jkun qed iwieġeb għall-versi u għall-mużika matul l-erba’ kompożizzjonijiet permezz ta’ lingwa viżiva li tissawwar mid-dawl. Dan ix-xogħol se jwassal għal rappreżentazzjoni memorabbli tal-ewwel kollaborazzjoni ta’ dan it-tip. Id-diretttur artistiku ta’ ‘Ħuġġieġa’ huwa Pawlu Mizzi.



  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo