top of page

Jirritorna Cinema City fil-Belt Valletta




Cinema City, l-avveniment annwali ta’ wiri ta’ films fil-miftuħ, se jirritorna bejn il-5 u l-10 ta’ Ġunju 2023 fi Ġnien Laparelli, il-Belt Valletta. Dan ħabbru l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici meta kien qed iniedi dan l-avveniment li huwa mtella’ mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.


“Dan l-avveniment jibni fuq l-impenn tagħna li niċċelebraw il-kultura fil-ġeneri diversi tagħha u nibqgħu nagħtu sostenn lill-artisti u, f’dan il-każ, lill-industrija tal-film. Kommessi li nkomplu nkabbru l-attivitajiet kulturali fil-Belt Kapitali u fid-diversi postijiet f’pajjiżna,” tenna l-Ministru Bonnici.

Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li l-Aġenzija hija kommessa li tkompli bir-riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali tal-Belt Valletta. Kompla li Cinema City, li huwa ċelebrazzjoni ta’ wiri ta’ films fil-miftuħ, inkluż produzzjonijiet Maltin, ikompli jibni fuq is-suċċess tal-Valletta Green Festival li sar ftit jiem ilu.

L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Cinema City tinkludi temi varji li ġew magħżula minn voluntiera, fejn intalbu jaraw numru ta’ films li jaqgħu taħt ġeneri differenti u li minnhom ġew magħżula s-sitt films li se jintwerew. L-udjenza tista’ tgawdi dan il-wiri ta’ films fil-miftuħ, mingħajr ħlas.


Il-films se jintwerew fid-9pm skont l-iskeda li ġejja:


5 ta’ Ġunju – Inglourious Basterds (18)

6 ta’ Ġunju – The Book of Life (U)

7 ta’ Ġunju – Blood on the Crown (12A)

8 ta’ Ġunju – Merjen (18)

9 ta’ Ġunju – Sideways (16)

10 ta’ Ġunju – Back to the Future (U)


Il-biljetti jistgħu jinkisbu mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, bil-preżentazzjoni tal-Karta tal-Identità. Il-postijiet huma limitati u fuq bażi ta’ first come, first served. Għal aktar informazzjoni żur vca.gov.mt jew ibgħat email fuq info@vca.gov.mt.











bottom of page