Jingħata bidu għall-Valletta Green Festival 2025
- Owen Bonnici Team
- May 10
- 2 min read

Tnieda uffiċjalment il-Valletta Green Festival għal din is-sena, fejn Pjazza San Ġorġ ġiet mibdula fi ġnien impressjonanti b’żewġ funtani tal-ilma, siġar kbar, mijiet ta’ arbuxelli, u eluf ta’ fjuri kkuluriti.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal, “Il-Valletta Green Festival huwa eżempju ċar ta’ kif l-arti, in-natura u l-komunità jistgħu jingħaqdu biex joħolqu spazji vibranti u ispirazzjonali fil-qalba tal-belt. Dan il-festival mhux biss iġib atmosfera mill-isbaħ fi Pjazza San Ġorġ iżda jkompli jkabbar il-kuxjenza ambjentali fost il-familji u ż-żgħażagħ. Għalhekk, bħala Ministeru, aħna kburin li nappoġġjaw inizjattivi bħal dawn li jqajmu sens ta’ responsabbiltà kollettiva favur l-ambjent tagħna.”
Min-naħa tiegħu, Jason Micallef, Chairperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, qal “Il-Valletta Green Festival ikompli jenfasizza r-rwol tal-kultura fit-tiswir ta’ futur aktar sostenibbli. Huwa mod prattiku u impenjattiv biex in-nies jinġabru flimkien u jiffokaw fuq dak li verament jgħodd—l-ambjent tagħna u r-riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali tagħna.”
Tul Triq it-Teatru l-Antik, Eco Market ta’ kuljum se jkun fih prodotti sostenibbli u magħmulin lokalment. Face painting u workshops għat-tfal bla ħlas—inkluż arti fuq iċ-ċagħaq u artiġjanat upcycled—se jsiru fis-27 ta’ April, l-1 ta’ Mejju, it-3 ta’ Mejju, u l-4 ta’ Mejju, bejn il-11am u s-2pm.
Fi Pjazza Tritoni, il-viżitaturi jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ għarfien ambjentali mmexxija mill-Wasteserv u l-MEEC Mobile Unit.
Id-divertiment se jkun mifrux madwar il-Belt, b’karattri bħal Timon & Pumba u Donald & Daisy jduru madwar il-Belt fil-25 u s-27 ta’ April mill-10am sa 12pm. Tikka Banda se jdoqqu fit-30 ta’ April u l-1 ta’ Mejju bejn il-11am u s-1pm, filwaqt li l-grupp tal-perkussjoni Trakadum se jagħti spettaklu madwar il-Belt Valletta fit-3 ta’ Mejju mill-11am san-12:30pm.
Il-Valletta Green Festival se jkun miftuħ kuljum sal-4 ta’ Mejju. Il-festival jippromwovi l-għarfien ambjentali permezz ta' serje ta’ stands edukattivi, workshops interattivi, u divertiment fil-Belt kollha. Il-programm ta’ din is-sena jinkludi parteċipazzjoni mill-ERA, Project Green, Ambjent Malta, Circular Economy Malta, Wasteserv, MEEC u Eco Market Malta.
Għal aktar dettalji, żur il-websajt tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta vca.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook
Comments