top of page

Jingħata bidu għall-proġett ta’ restawr tat-Torri, magħruf bħala ta’ Vendome, f’Marsaxlokk


 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar proġett ta’ restawr tat-Torri, magħruf bħala ta’ Vendome, f’Marsaxlokk. Kif jintemm il-proġett, it-Torri se jgħaddi għand il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk bil-għan li mbagħad jintuża għal skopijiet kulturali marbuta mat-tradizzjonijiet Xlukkajri.

 

Il-Ministru Bonnici spjega kif dan ir-restawr se jkompli jivvalorizza l-wirt storiku li jinsab fil-lokalitajiet tagħna u li tant hu għal qalb il-familji li jgħixu fil-lokalitajiet rispettivi.

 

“Dan il-Gvern impenjat li jkompli jwettaq aktar proġetti li jħarsu l-preservazzjoni, ir-restawr u r-riabilitazzjoni ta’ fortifikazzjoni u postijiet storiċi fuq bażi regolari minn diversi entitajiet fi ħdan il-Ministeru,” spjega l-Ministru Bonnici.

 

Dan it-torri, magħruf bħala ta’ Vendome, ta’ Qrajten jew Craite, huwa wieħed minn erba’ ridotti ta’ dan it-tip li kienu nbnew fl-1715/6 mill-Prijur ta’ Franza, Philippe de Vendome, li kien insista li hemm bżonn ta’ iżjed difiża mal-kosta tal-gżejjer Maltin.  Ir-ridott ta’ Vendome huwa l-unika eżempju tat-tip tiegħu li għadu sħiħ sal-ġurnata tal-llum u għalhekk  huwa importanti li jkompli jiġi ppreservat għall-ġenerazzjonijiet futuri.

 

Id-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni lesta d-dokumentazzjoni u kiseb il-permessi neċessarji mill-Awtorità tal-Ippjanar biex isir ix-xogħol meħtieġ. Fil-ġimgħat li ġejjin ser tkun qiegħda toħroġ sejħa għal-offerti biex b’hekk ikun jista’ jsir ix-xogħol neċessarju fuq dan il-wirt uniku.

 

Preżenti kien hemm is-Sindku Stephen Grech, flimkien ma’ diversi membri tal Kunsill lokali ta’ Marsaxlokk.

 






 

コメント


bottom of page