• Team Owen Bonnici

Jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tas-Sajd bl-inizjattiva ‘Fishing For Recipes’



Għall-Jum Dinji tas-Sajd li se jiġi ċċelebrat fil-21 ta’ Novembru, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici u l-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbru kompetizzjoni bl-isem ‘Fishing for Receipes’.

Din ser tkun l-ewwel darba li qed tiġi ċċelebrata din il-ġurnata f’Malta. Dan il-jum huwa sinifikanti u għalhekk għandu jingħata l-apprezzament li jixraqlu kif ukoll rispett lejn is-sajjieda u l-komunitajiet tas-sajd għax-xogħol iebes li jġib miegħu dan is-settur. Importanti niftakru li bis-saħħa tagħhom qed jiġi pprovdut ħut frisk matul is-sena kollha għall-Maltin u għall-Għawdxin kollha.

Il-Ministru Refalo wera sodisfazzjon għall-fatt li d-Dipartiment tal-Ħut u l-Akkwakultura li jaqa’ taħt il-ministeru li hu responsabbli minnu qed iniedi kompetizzjoni bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Dinji tas-Sajd bl-isem ‘Fishing for Recipes’. Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici semma kemm hija interessanti din il-kompetizzjoni u l-importanza li hemm marbuta magħha sabiex kemm il-ġenituri kif ukoll l-għalliema u l-edukaturi jħeġġu lill-istudenti jipparteċipaw. “Din il-kompetizzjoni ftaħnieha għall-istudenti li għandhom bejn id-9 u l-15-il sena għax rajna l-potenzjal li fiha kompetizzjoni bħal din sabiex inkabbru l-għarfien dwar l-ibħra li jdawru pajjiżna kif ukoll nedukaw lil uliedna fuq l-ispeċi vasta ta’ annimali tal-baħar li għandna”.

F’din il-kompetizzjoni jistgħu jipparteċipaw studenti bejn id-9 u l-15-il sena. Biex jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni, il-kontestanti jridu jissottomettu riċetta tal-ħut bl-użu ta’ speċi ta’ ħut lokali ppreparata flimkien mal-membri tal-familja filwaqt li jippreżentaw ukoll ir-ritratti tal-proċess waqt li jkunu qed isajru. L-għan ta’ din il-kompetizzjoni huwa li t-tfal u ż-żgħażagħ isiru aktar konxji kif ukoll jitgħallmu fuq l-ispeċi differenti ta’ ħut lokali u r-riċetti tradizzjonali tal-ħut. Huwa importanti li nippromwovu l-konsum ta’ speċi ta’ ħut lokali u sostenibbli kif ukoll ikollna aktar għarfien dwar il-gastronomija tal-gżejjer Maltin.

Il-Ministru Refalo qal li dan huwa element importanti ħafna fejn għandna ngħożżu l-wirt kulinari kostali li jiżgura li t-tagħlim jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra permezz ta’ attivitajiet edukattivi u informattivi.

Il-kompetizzjoni se tkun miftuħa bejn il-21 ta’ Novembru u l-31 ta’ Diċembru 2020. Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet hija ppjanata għal Jannar 2021.



1 view0 comments