• Team Owen Bonnici

Is-separazzjoni tal-funzjonijiet duppliċi tal-Avukat Ġenerali

Is-separazzjoni tal-funzjonijiet duppliċi tal-Avukat Ġenerali se tidħol fis-seħħ fit-18 ta’ Diċembru li ġej



Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li s-separazzjoni tal-irwoli duppliċi tal-Avukat Ġenerali se tidħol fis-seħħ fit-18 ta’ Diċembru, 2019. L-avviż ta’ bidu fis-seħħ tal-Att dwar l-Avukat tal-Istat diġà ġie ffirmat u ntbagħat għall-pubblikazzjoni immedjata fil-Gazzetta tal-Gvern.


Dan l-iżvilupp segwa t-tħabbira ta’ Dr Victoria Buttigieg bħala l-ewwel Avukat tal-Istat.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-ħatra ta’ Dr Buttigieg ġiet wara proċess miftuħ u wara parir unanimu ta’ Kummissjoni tal-Ħatra. Din hija ħaġa li qatt ma saret qabel fl-istorja ta’ pajjiżna u l-proċedura saret fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja.


Dr Bonnici tenna li permezz ta’ proċessi u ta’ riformi ta’ din is-sura, il-gvern qed juri li r-rieda tiegħu li jwettaq riformi għat-tisħiħ fis-saltna tad-dritt, anke bis-saħħa ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja li kien talab hu stess. 


L-Avukat tal-Istat se jkun rikonoxxut mill-Kostituzzjoni u d-detenur ta’ din il-pożizzjoni se jkollu l-istess doveri u protezzjoni fil-kariga bħalma jgawdu l-Avukat Ġenerali u l-membri tal-Ġudikatura. L-Avukat tal-Istat se jkun il-Konsulent Legali Prinċipali tal-gvern fejn għandha x’taqsam il-liġi u opinjonijiet legali u jkun obbligat b’mod espliċitu li jaġixxi fl-interess pubbliku u biex jissalvagwardja l-legalità tal-azzjonijiet tal-Istat.


L-Avukat tal-Istat se jwettaq il-funzjonijiet tiegħu permezz ta’ aġenzija indipendenti stabbilita bl-istess liġi. Din is-sitwzzjoni ilha preżenti fil-leġiżlatura Maltija mill-1936, mill-promulgazzjoni tal-Ordinanza dwar l-Avukat Ġenerali li kienet ikkonsolidat il-karigi tal-Prosekutur Pubbliku u tal-Avukat Erarjali fl-irwol tal-Avukat Ġenerali. Din il-konsolidazzjoni nżammet fil-Kostituzzjoni Maltija anka wara l-indipendenza ta’ pajjiżna, u bis-saħħa tal-introduzzjoni ta’ dan l-Att, din is-sitwazzjoni se tinbidel.

  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo