• Team Owen Bonnici

Ir-riformi fil-Qasam tal-Ġustizzja jkomplu: titwaqqaf aġenzija għas-servizzi tal-Qrati



Illum twettqet wegħda oħra elettorali bil-promulgazzjoni ta’ avviż legali li waqqaf Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati bl-għan li tiżdied l-awtonomija amministrattiva u li jiġu modernizzati iktar is-servizzi li jiġu offruti liċ-ċittadin fejn jidħlu l-Qrati ta’ pajjiżna.


Ir-riformi fil-Qasam tal-Ġustizzja minn dejjem kienu ċentrali fil-ħidma ta’ dan il-Gvern. It-twaqqif ta’ Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati huwa pass ieħor fir-riformi li saru u li se jkomplu jsiru għat-tisħiħ tas-saltna tad-dritt.


“Permezz ta’ Aġenzija tal-Gvern li tieħu ħsieb l-operat amministrattiv tal-Qorti, id-deċizjonijiet amministrattivi se jittieħdu b’iktar awtonomija u b’iktar effiċjenza”, saħaq il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.


Fil-fatt, f’Novembru li għadda, meta l-Kummissjoni Ewropea kienet qiegħda tagħmel ir-reviżjoni tal-European Semester, ħeġġet lill-awtoritajiet Maltin biex jikkunsidraw li l-amministrazzjoni tal-Qorti tinqata’ mill-Gvern Ċentrali u ssir waħda iktar awtonoma, fis-sens li jkun hemm iktar distanza bejn il-Gvern u l-operat amministrattiv.


Din il-bidla se tkun tista’ twassal ukoll għall-imodernizzar tal-Qrati, inkluż il-possibilità li l-amministrazzjoni tal-Qrati tintroduċi sistema ta’ kommunikazzjoni tal-media biex il-Qorti timxi maż-żminijiet tal-lum, tkun aktar dinamika u tittrasforma ruħha skont l-esiġenzi tas-servizz mitlub minnha.


“L-għan aħħari tal-aġenzija huwa li toffri l-aħjar sapport amministrattiv għall-ġudikatura u l-uffiċjali kollha tal-Qrati filwaqt li toffri servizz effiċjenti u effettiv liċ-ċittadin li jkollu l-ħtieġa li juża s-servizzi tal-Qrati”, kompla jgħid il-Ministru Bonnici. Huwa għamilha wkoll ċara li ttieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex bit-twaqqif tal-aġenzija, id-drittijiet kollha tal-impjegati ta’ dak li sal-lum kien jissejjaħ id-dipartiment tal-Qrati, jiġu salvagwardjati.

Dan kollu qiegħed isir u se jibqa’ jsir biex dejjem aktar tissaħħaħ is-saltna tad-dritt u biex iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jibbenefikaw minn servizz aktar effiċjenti f’dak li jirrigwardja l-Qasam tal-Ġustizzja.

  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo