top of page

Ir-residenti ta’ Ħal Safi ser ikollhom Melitensia estensiva dwar il-lokalità fil-librerija pubblika



 

Proġett pilota li ser jinfirex fil-libreriji pubbliċi madwar Malta u Għawdex

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda proġett pilota mmexxi minn Malta Libraries, fil-librerija pubblika biswit l-Iskola Primarja ta’ Ħal Safi, li se jwassal għal kollezzjoni estensiva ta’ Melitensia dwar il-lokalità nnifisha.

 

Il-Ministru Bonnici spjega li l-Librerija ta’ Ħal Safi, hija l-ewwel fost is-57 madwar il-pajjiż, li fiha ser ikun qiegħed jitwettaq dan il-proġett pilota. Proġett li għandu jwassal għal sezzjoni estensiva ta’ Melitensia f’kull librerija. Dan bil-għan li jkompli jissaħħaħ l-irwol tal-libreriji u l-librara fil-komunitajiet.

 

Żied jgħid li l-librara nfushom qed ninċentivawhom b'dan il-mod biex jinvestu aktar fil-ġbir komplut ta’ Melitensia dwar il-lokalità tagħhom, bħal pereżempju, kotba miktuba minn awturi tar-raħal stess, kotba ta’ riċerka pubblikati minn bosta awturi lokali, programmi tal-festi, kotba ppubblikati mill-kunsilli lokali u oħrajn.

 

Il-Ministru Bonnici kkonkluda li bis-saħħa ta' dan il-proġett, il-libreriji tal-lokal ser isiru sors importanti fejn tidħol riċerka fuq bażi lokali għal riċerkaturi ta’ kull livell u repożitorji li fihom jinżamm il-materjal komplut ta’ riċerka dwar il-komunità nnifisha.

 

Min-naħa tagħha, il-Librar Nazzjonali u Kap Eżekuttiv ta’ Malta Libraries, Cheryl Falzon, tenniet li dan il-proġett ser ikun qiegħed jinfirex ma’ lokalitajiet differenti u li għalhekk dak f’Ħal Safi ser iservi ta’ mudell għal-lokalitajiet l-oħra.

 

Is-Sindku ta’ Ħal Safi, Johan Mula, irrefera għal dan il-proġett bħala wieħed li se jkun qiegħed isaħħaħ il-komunità u tenna l-impenn tal-kunsill li jkompli jappoġġa proġetti bħal dawn.

 

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll kollaboraturi mir-Reġjun, mill-parroċċa, u mill-każini kif ukoll awturi tal-lokal li kollha offrew il-pubblikazzjonijiet tagħhom għal dan il-proġett.

 

Dan il-proġett pilota tnieda fil-ġimgħa ta’ attivitajiet f’lokalitajiet differenti organizzati minn Malta Libraries fil-ġimgħa tal-libreriji, il-Jum Dinji tal-Ktieb u l-Jeddijiet tal-Awtur.


 

Comentarios


bottom of page