• Team Owen Bonnici

Ippubblikat l-abbozz ta’ liġi li jissepara r-rwoli duppliċi tal-Avukat Ġenerali



Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ppubblika abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu se jinfatmu u jiġu separati l-funzjonijiet tal-Avukat Ġenerali.


Il-Ministru Bonnici qal li dan l-abbozz se jkompli jwettaq ir-riforma fil-qasam tal-ġustizzja billi jipprovdi għal diversi miżuri biex il-funzjonijiet tal-Avukat Ġenerali bħala prosekutur pubbliku ewlieni u bħala konsulent legali ewlieni tal-gvern, jiġu separati u mwettqa minn uffiċjali u minn istituzzjonijiet differenti u indipendenti minn xulxin.


Bonnici fakkar li din is-sitwazzjoni ilha fil-liġi Maltija sa mill-1936 meta ġiet promulgata l-Ordinanza dwar l-Avukat Ġenerali li kienet ikkonsolidat il-karigi tal-Prosekutur Pubbliku u ta’ Avukat Erarjali fil-kariga ta’ Avukat Ġenerali. Din il-konsolidazzjoni nżammet fl-ordinament kostituzzjonali Malti, anke wara l-Indipendenza, u sal-lum.


“Għall-għan li jiġu separati l-imsemmija funzjonijiet se tinħoloq il-kariga ġdida ta’ Avukat tal-Istat li se tkun tiġi rikonoxxuta wkoll fil-Kostituzzjoni u li d-detenur tagħha se jkollu kemm jista’ jkun l-istess protezzjoni fil-kariga bħalma jgawdu l-Avukat Ġenerali u l-Membri tal-Ġudikatura. L-Avukat tal-Istat se jkun il-konsulent ewlieni tal-gvern f’materja ta’ liġi u ta’ opinjoni legali u se jkun espliċitament obbligat li jaġixxi fl-interess pubbliku u li jissalvagwardja l-legalità tal-aġir tal-Istat,” kompla jgħid Bonnici.


Dan se jwettaq il-funzjonijiet tiegħu permezz ta’ aġenzija indipendenti mwaqqfa b’liġi bl-istess mod kif jaqdi l-funzjonijiet tiegħu l-Avukat Ġenerali. Il-metodu tal-ħatra se jkun l-istess bħal dik tal-Avukat Ġenerali però, qabel ma jagħmel ir-rakkomandazzjoni tiegħu l-President dwar min għandu jinħatar, il-Prim Ministru se jkun obbligat jagħti konsiderazzjoni xierqa lir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-Ħatra li għandha tasal għall-opinjoni tagħha wara sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet. L-istess proċedura se tiġi segwita meta jkun hemm vakanza fil-kariga ta’ Avukat Ġenerali u għal dan l-għan se tiġi emendata wkoll l-Ordinanza dwar l-Avukat Ġenerali.


Bonnici qal li l-ħidma tal-Avukat Ġenerali fil-qasam tal-prosekuzzjoni se tiżdied u se jingħata poteri ġodda tant li se jkun jista’ jesiġi li l-Pulizija tinvestiga ċerti każijiet, jkun jista’ jitlob informazzjoni lill-Pulizija dwar l-istat ta’ investigazzjonijiet u jkun jista’ jesiġi li l-Pulizija toħroġ akkużi. L-Avukat Ġenerali se jkollu wkoll is-setgħa li jkun prosekutur fil-qrati kollha dwar kull reat.


Għan ieħor ta’ dan l-abbozz huwa li apparti li jissepara l-funzjonijiet tal-Avukat Ġenerali jiffaċilita wkoll is-separazzjoni tal-funzjonijiet investigattivi, li ġeneralment jitwettqu mill-Pulizija, iżda f’ oqsma partikolari jitwettqu minn aġenziji pubbliċi speċjalizzati oħra, mill-funzjonijiet ta’ prosekuzzjoni. Dan biex tiġi assigurata iżjed l-indipendenza tal-prosekuzzjoni. L-iskop hu illi eventwalment kemm jista’ jkun u inġenerali, il-prosekuzzjonijiet fil-Qrati jsiru mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali iżda f’ dan il-qasam huwa previst illi jrid ikun hemm miżuri transitorji xierqa u kollaborazzjoni sħiħa mal-unità ta’ prosekuzzjoni tal-Pulizija li qiegħda tiġi ffurmata u li għandu jkollha rwol importanti fit-tisħiħ tas-servizz tal-prosekuzzjoni.


L-abbozz ta’ liġi qiegħed ukoll jipproponi tibdil konsegwenzjali f’liġijiet oħra, inkluża l-Kostituzzjoni, biex jagħti bażi leġali xierqa u jiffacilita t-transizzjoni ta’ dawk il-funzjonijiet tal-Avukat Ġenerali li se jgħaddu għand l-Avukat tal-Istat.


L-abbozz jipprovdi wkoll għal possibbiltà ta’ miżuri transitorji bil-għan illi t-tibdil isir b’ mod ordnat u kemm jista’ jkun ma jikkaġunax diżgwid fl-oqsma tal-prosekuzzjoni u tas-servizz legali tal-Gvern li huma essenzjali għal governanza u għall-ordni pubblika inġenerali.




 t: 2180 2000   m: 9946 5436