top of page

Investiment ta’ €32.8 miljun biex jiġi stabbilit ċentru ta’ riċerka internazzjonali fl-MCAST



Il-Ministru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara Covid-19 Owen Bonnici flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana żaru ċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-MCAST li għadu kemm inbena u se jiftaħ il-bibien tiegħu għall-istaff u l-istudenti sas-sena akkademika l-ġdida f’Ottubru.


Iċ-Ċentru tar-Riżorsi huwa parti minn proġett b’investiment ta’ €32.8 miljun kofinanzjat mill-UE. Huwa parti mill-pjan strateġiku tal-Kulleġġ għall-edukazzjoni vokazzjonali, ir-riċerka u l-faċilitajiet tal-kampus li se jkomplu jistabbilixxu l-Kulleġġ bħala ċentru ta’ eċċellenza. Iċ-ċentru bl-aqwa teknoloġija, li jinkludi librerija ġdida, spazji flessibbli għat-tagħlim u auditorium, ser iżid il-ħidma tal-Kulleġġ fir-riċerka u l-innovazzjoni.


“Dan l-investiment,” qal il-Ministru Owen Bonnici, “se jgħin lill-MCAST ikun minn ta’ quddiem fir-riċerka applikata internazzjonali. Fl-Expo tar-Riċerka u l-Innovazzjoni li sar ix-xahar li għadda, rajna r-riċerka varjata vokazzjonali u applikata fil-Kulleġġ b'aktar minn 90 riċerkatur u professjonisti jaħdmu f’oqsma differenti.”


Dr Bonnici kompla jgħid: “Il-ħolqien ta' ċentru internazzjonali se jgħin lir-riċerkaturi jiżviluppaw soluzzjonijiet għall-problemi urġenti tas-soċjetà u opportunitajiet għall-industrija. L-MCAST se jkompli jiżgura kollaborazzjoni internazzjonali ma' universitajiet, imsieħba fl-industrija u laboratorji ta' riċerka. Aħna bħala Gvern ninsabu kommessi li nkomplu naħdmu biex nibnu ekosistema robusta ta’ innovazzjoni permezz tar-riċerka.”


Il-Ministru Justyne Caruana qalet: “Hekk kif jkomplu jikbru l-popolazzjoni ta' studenti fl-MCAST u l-ħtieġa għat-taħriġ, it-titjib tar-riżorsi u l-aċċessibilità huma prijorità għolja u l-impetu għal investiment kontinwu. Għandna bżonn noħolqu spazji ta' tagħlim dinamiċi fejn il-letturi u l-istudenti jistgħu jkunu ispirati biex jikkollaboraw u joħolqu xogħol innovattiv. L-għan huwa li l-industrija u l-pubbliku jużaw is-servizzi offruti mill-Kulleġġ. B'hekk billi niftħu l-bibien tal-Kulleġġ se noħolqu opportunitajiet ta' tagħlim għal kulħadd fil-komunità.”


Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja qal: “Il-Kulleġġ qed jipparteċipa f'19-il proġett internazzjonali b'investiment ta’ aktar minn €2.5 miljun. Bl-infrastruttura l-ġdida, nistgħu nkomplu nikbru internazzjonalment u nistabbilixxu l-MCAST bħala ċentru ta' eċċellenza fl-edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ. Iċ-ċentru tar-riċerka u l-innovazzjoni huwa uniku fis-sens li l-Kulleġġ jinsab f'pożizzjoni tajba biex jinkoraġġixxi kollaborazzjoni mal-industrija b’ħidma interdixxiplinari. Is-suċċess tal-Kulleġġ jiġi meta nagħtu aċċess għal oqsma differenti ta' għarfien. Se nkomplu bil-kollaborazzjoni lil hinn mill-kampus filwaqt li nipprovdu lill-istudenti b'opportunitajiet biex jaħdmu ma' min iħaddem.”


Il-bini taċ-Ċentru tar-Riżorsi tlesta u bħalissa għaddej ix-xogħol fuq l-installazzjonijiet mekkaniċi u elettriċi. Il-bini kien iddisinjat biex jimmassimizza l-effiċjenza fil-konsum tal-enerġija. Iċ-ċentru se jinkludi awditorium ta' aktar minn 600 metru kwadru u spazju flessibbli għat-tagħlim ta' madwar 500 metru kwadru. Id-disinn tal-bini jinkludi spazji li huma tajbin kemm għat-tagħlim individwali kif ukoll fi grupp. Hemm inkluż ukoll l-użu tal-ispazji miftuħa bħala żona għall-qari.



Comments


bottom of page