Il-gvern nieda skema oħra bl-isem ‘Finanzjament ta’ Proġetti Kapitali – Apparat għal Sistemi ta’ Irrigazzjoni’ bil-għan li jkompli jitjieb l-ambjent ta’ madwarna u jiżdiedu l-ispazji miftuħa. L-ammont allokat għal din l-iskema huwa dak ta’ €1 miljun u l-kunsilli reġjonali u lokali kollha huma eliġibbli japplikaw.
“Permezz ta’ proġetti ta’ din is-sura, qegħdin inkomplu ninkoraġġixxu l-lokalitajiet tagħna biex ikunu aktar sostenibbli, permezz ta’ inizjattivi li huma ta’ benefiċċju kbir għall-komunitajiet u ċ-ċittadini tagħna. Bħala gvern aħna rridu nkunu hemm għaċ-ċittadin biex nifhmu aħjar il-bżonnijiet tagħhom, u aħna impenjati biex nassistu s-soċjetà permezz ta’ skemi bħal dawn li huma ta’ vantaġġ għall-ġenerazzjonijiet kurrenti u futuri. Dan huwa eżempju ieħor tas-sinġerija li hemm bejn il-gvern ċentrali u l-gvern lokali, li jaħdmu għal ġid taċ-ċittadin,” stqarr il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis qal li apparti li l-ispazju ekoloġiku jwassal għal tisbiħ fil-lokalitajiet, dan iwassal ukoll għal titjib fis-saħħa taċ-ċittadini. Għal dan il-għan id-Direttorat għall-Gvern Lokali, Strateġija u Implimentazzjoni ta’ Policy qed jimbarka fuq din l-inizjattiva ta’ finanzjament għal sistemi ġodda ta’ irrigazzjoni fil-lokalitajiet. Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal li l-installazzjoni ta’ sistema ta’ irrigazzjoni se ttejjeb b’mod sinifikanti t-tkabbir ta’ pjanti, arbuxelli u fjuri. Barra minn hekk it-tisqija bl-idejn jew bl-użu ta’ pipe ħafna drabi twassal għal ilma eċċessiv li jġorr in-nutrijenti lil hinn mill-pjanti. Permezz ta’ din is-sistema ta’ irrigazzjoni se nippreservaw l-istruttura tal-ħamrija u b’hekk il-pjanti jkunu jistgħu jassorbu n-nutrijenti neċessarji. Is-Segretarju Parlamentari għalaq billi ħeġġeġ lill-kunsilli reġjonali u lokali sabiex japplikaw għal din l-iskema.
Komentarze