top of page

Invenzjoni Maltija fil-kamp tal-inġinerija b’potenzjal sabiħ immens





Talent Malti żviluppa innovazzjoni biex ċerta tipi ta’ apparat domestiċi ikollhom ħajja itwal mingħajr il-bżonn li jintuża start capacitor f’muturi single phase



Illum b’mod nazzjonali nistgħu ngħidu li tqajmet kuxjenza fuq kemm ir-riċerka u l-innovazzjoni huma krucjali biex Malta tkompli timxi ‘l quddiem.


Wieħed mill-aspetti l-iktar importanti ta’ dan is-settur huwa Inġinerija. In-nazzjon tagħna dejjem welled professjonisti ta’ l-aqwa livell fl-Inġinerija u huma bosta li jitkellmu dwar kisbiet li twettqu minnhom, mhux l-inqas fil-ħidma fl-antik fis-settur tat-tarznari u fl-era iktar moderna fil-kamp tal-manifattura smart.


Huwa essenzjali li nkomplu nixprunaw l-Inġiniera tagħna li jaħdmu mal-industrija sabiex joħolqu soluzzjonijiet ġodda li jagħmlu differenza kbira.


Proġett li interessana bil-bosta hu dak li ra tim ta’ inġiniera mill-kumpanija Carlo Gavazzi jingħaqdu ma’ riċerkaturi mill-Fakultà tal-Inġinerija mill-Università ta’ Malta sabiex ikkrejaw HDMS – High Dynamic Motor Starter. Naturalment dan il-proġett seta’ jsir bis-saħħa ta’ finanzjament ta’ fondi pubbliċi għar-riċerka.


Tkellimna dwar dan il-proġett mal-Ministru għall-Ugwaljana, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Dr Owen Bonnici.


“L-innovazzjoni ta’ dan il-prodott elettroniku hi li din l-invenzjoni kapaċi tixgħel kumpressuri u pompi mingħajr l-użu ta’ start capacitor,” spjega l-Ministru Bonnici. Huwa qal li fis-settur tal-Inġinerija hu sigriet magħruf li l-istart capacitors huma l-“weakest link” fis-sistema kollha għax huma l-ewwel li jmorru hekk kif l-kurrent ivarja b’certu mod.


“Il-kobor ta’ din l-invenzjoni hi tnaqqas l-impatt fuq il-vultaġġ u dan peress li twaqqa’ l-kurrent tal-mutur għal-madwar 1.2 darba il-kurrent nominali tal-mutur u dan anke jekk ma jsir ebda użu ta’ start capacitor,” qal Dr Bonnici.


Huwa qal li din l-innovazzjoni kienet possibbli permezz ta’ investiment ta’ €200,000 mill-Fond FUSION tal- R & I amminstrat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.


Ir-riżultati ta’ HDMS ġew imħabbra wkoll waqt avveniment għall-pubbliku li seħħ fiċ-Chaplain’s Hall fil-binja tal-Esplora Planetarium, il-Kalkara ftit tax-xhur ilu.


Dr Bonnici spjega li l-Gvern huwa kommess li jkompli jinvesti fir-riċerka u l-innovazzjoni. “Nixtieq inħeġġeġ ukoll entitajiet privati sabiex ma jieqfu qatt jikkunsidraw li jinvestu fir-riċerka u l-innovazzjoni għaliex dawn huma tabilħaqq il-futur tagħna,” sostna l-Ministru Bonnici.


Il-Ministru Bonnici kompla jgħid li: “Mingħajr kollaborazzjonijiet bħal dawn, dawn il-proġetti tar-Riċerka u l-Innovazzjoni jkunu impossibbli. Ma nistax nisħaq biżżejjed l-importanza li pajjiżna jibqa’ jinvesti u jsaħħaħ il-pilastru tar-riċerka u l-innovazzjoni, essenzjali fit-tkabbir ekonomiku u l-impatt kompetittiv.”

Il-mexxej tal-proġett HMDS l-Inġ Jason Demicoli dakinhar tas-seminar spjega li l- “HDMS kien vjaġġ fenomenali ta’ kooperazzjoni bejn l-Industrija u l-Akkademja, li wasslu l-innovazzjoni lejn is-suq! Dan billi fhimna dak li jgħaddu minnu l-klijenti tagħna, dħalna għal proġett ta’ sfida ibbażat fuq il-kompetenza tal-inġiniera, biex jiżviluppaw u jniedu innovazzjoni, protetta b’patent, ta’ Single Phase Soft starter.”


Iktar dettalji dwar il-proġett

Tipikament muturi single phase u kumpressuri bħalma huma wżati f’heat pumps, pompi tal-ilma u air-conditioners li jintużaw fuq opri tal-baħar, joħolqu diffikultà meta jkunu qed jintxtegħlu. Dan minħabba l-fatt li jkun hemm kurrent qawwi f’salt li jista’ jilħaq sa aktar minn ħames sa seba’ darbiet aktar mill-kurrent nominali tal-mutur b’konsegwanza li jista’ jikkawża effetti negattivi fil-grid tal-elettriku jew f’apparat li jkun sensittiv għal żbilanc fil-vultaġġ.


Dan it-tfixkil jista’ jikkawża tnaqqis fil-vultaġġ u teptip tad-dawl kif ukoll jista’ joħloq ħsarat f’ċerta tagħmir elettroniku fl-istess installazzjoni. Fil-każ ta’ generators u panelli fotovoltajiċi jista’ jkun li s-saħħa ma tkunx biżżejjed biex tipprovdi l-kurrent u l-vultaġġ neċessarju u l-generators u l-PVs, jistgħu anke jieqfu jaħdmu temporanjament. Sabiex jitnaqqas dan ir-riskju fis-suq jeżistu prodotti elettronici magħrufa bħala soft starters. Soft starters li jintużaw fuq single phase, ġeneralment ikollhom bżonn ta’ start capacitor biex jiġġenera s-saħħa meħtieġa biex jinxtegħel it-tagħmir. L-istart capacitors huma komponenti sensittivi ħafna għal żbilanc fil-vultaġġ kif ukoll għat-temperaturi għolja u tipikament huma l-ewwel komponenti li jfallu.


Din l-innovazzjoni tal-HDMS tegħleb dawn l-isfidi ta’ influss ta’ kurrent għoli fil-mument li jinxtegħel apparat induttiv bħal muturi, kif ukoll il-problema tal-ħajja qasira tal-capacitor. Fil-fatt, studji urew li HDMS jista’ jixgħel muturi single phase b’influss ta’ kurrent bejn 60 – 70% inqas minn meta jinxtegħel b’mod dirett.


Din l-innovazzjoni għandha ħafna benefiċċji fosthom li l-apparat jista’ jkollu ħajja itwal, se jkun hemm inqas tfixkil mal-grid tal-elettriku, se tintegra aħjar mal-apparat bħal generators u panelli fotovoltajiċi, se jkun hemm inqas manutenzjoni riżultat ta’ inqas ħsarat u żieda fis-sehem ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li huma inklużi fid-direttiva tal-UE dwar Sorsi u Enerġija Rinnovabbli.


Talent li joħloq xogħol ġdid.

Il-Ministru Bonnici saħaq li jekk irridu li Malta tmur ‘il quddiem, irridu nkomplu mmexxu ‘l quddiem it-talenti f’setturi bħal dawn. “Naturalment dan jattira mbagħad dibattitu dwar kif nistgħu naraw iktar studenti li jidħlu fix-xjenzi, naraw kif l-industriji jkunu lesti jonfqu iktar għar-ricerka u l-innovazzjoni u naraw kif l-akkademja u d-dinja tax-xogħol jaħdmu iktar flimkien,” qal Dr Bonnici.


“F’dan kollu rridu nitkellmu wkoll fuq kif nistgħu nagħmlu biex iktar nisa jersqu lejn il-qasam tax-xjenzi,” qal Dr Bonnici u saħaq li rridu nkomplu ninvestu biex mhux biss l-irgiel imma anke n-nisa jaraw fis-suggetti STEM karriera sabiħa għall-futur, anke fil-kamp tal-Inginerija.

Argumenti oħra importanti, spjega Dr Bonnici, huma dwar kif nipproteġu innovazzjonijiet li jsiru mill-Maltin u kif nixprunaw iktar finanzjament, kemm dak lokali u kif ukoll dak Ewropew, sabiex dawn l-innovazzjonijiet jgħaddu għall-fazi importanti tal-kommercjalizzazzjoni.


“L-istudji kollha juru,” qal Dr Bonnici, “li fejn idea tiġi maħluqa u mbagħad kommercjalizzata, jinħoloq xogħol tajjeb, b’saħħtu u ta’ kwalita’.” Huwa qal li l-Gvern hu proprju dan li qed ifittex li bis-saħħa ta’ dan is-settur li jibbaza ruħu fuq it-talent naraw il-ħolqien ta’ opportunitajiet li qabel ma kinux jezistu.


Fl-istess waqt dawn it-tip ta’ nicec ekonomici huma tali li jipproteġu l-ambjent u l-aspett ambjentali li tant hu għal qalb ħafna u ħafna Maltin. Fil-fatt, spjega l-Ministru Bonnici, ħafna mill-innovazzjonijiet jitwieldu f’workplaces ta’ daqs medju bl-inqas impatt fuq l-art.


“F’dan is-sens,” qal Dr Bonnici, “rrid insellem il-viżjoni tal-Prim Ministru Dr Robert Abela li ra li f’pajjiżna jkollna għall-ewwel darba Ministeru ffukat fuq dan is-settur. Dan kien pass li niżel tajjeb ħafna u jawgura li għall-futur ikun hemm iktar investiment biex tinħoloq ekosistema robusta ta’ innovazzjoni f’Malta.”


Huwa temm jgħid li l-ikbar prosit għandu jmur għar-ricerkaturi bravi tagħna li bla dubju ta’ xejn iħabbtuha ma’ dawk internazzjonali.


Dan il-ġurnal jawgura li din l-enerġija dwar dan is-settur tant importanti tkompli għaddejja għaliex din hi bidla li Malta għandha bżonn u miexja ‘l quddiem tajjeb ħafna.






Comments


bottom of page