top of page

Inawgurata l-binja ġdida tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala

Kitba meħuda mill-Orizzont (It-Tlieta 6 ta’ Settembru 2022 |) paġna numru 9.



Ġiet inawgurata binja ġdida li se tilqa’ fiha l-uffiċini l-ġodda tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala. Dan sar waqt ċerimonja li għaliha kienu preżenti l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, is-Sindku ta’ Marsaskala Mario Calleja u l-membri tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala.


Din il-binja tinstab f’post aktar ċentrali u hija aċċessibbli għal kulħadd. Apparti li se tilqa’ fiha l-uffiċini tal-kunsill lokali, parti mill-binja se tgħaddi għand il-Ministeru għas-Saħħa biex b’hekk Marsaskala jkollha l-klinika komunitarja tagħha. Il-binja l-ġdida toffri wkoll aktar faċilitajiet għal-laqgħat għad-diversi persuni u għaqdiet li jaħdmu mill-qrib mal-kunsill lokali favur Marsaskala.


Il-Ministru Owen Bonnici qal li b’din il-binja qed nagħtu lir-residenti ta’ Marsaskala dak li jistħoqqilhom – qabża kbira fil-kwalità tas-servizzi mogħtija lilhom minn post iktar ċentrali, isbaħ u aċċessibbli għal kulħadd.


Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li grazzi għal din il-binja ġdida, ir-residenti ta’ Marsaskala u persuni li jiġu bżonn xi servizz minn dan il-kunsill lokali se jsibu post aktar aċċessibbli u li jilqagħhom.


Fid-diskors tiegħu, is-Sindku Mario Calleja qal li, “din il-binja amministrattiva ilha ħolma tal-kunsill għal diversi snin. L-akbar weġgħa kienet tkun meta persuna vulnerabbli ma kinitx tista’ tagħmel użu milli tkellimni fil-privat minħabba li l-post ma kienx aċċessibbli. Marsaskala kien jixirqilha din il-binja u bħala kunsill ma jiddispjaċina xejn li investejna f’xi ħaġa sostenibbli għar-residenti Skaliżi.``



Opmerkingen


bottom of page