top of page

Inawgurat xogħol mill-isbaħ ta’ restawr fl-Oratorju tal-Onorati fil-Knisja tal-Ġiżwiti



 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici inawgura xogħlijiet ta’ restawr mill-isbaħ li saru fl-Oratorju tal-Onorati fil-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta. Bis-saħħa ta’ dan ix-xogħol, li sar mid-Diviżjoni tar-Restawr u Preservazzjoni, issa tlesta b’mod sħiħ ir-restawr fuq iż-żewġ oratorji, dak tal-Onorati u dak tal-Immakulata Kunċizzjoni, f’din il-Knisja tant importanti fl-istorja ta’ pajjiżna.

 

Dan ix-xogħol ta’ restawr tal-Oratorju tal-Onorati sar b’investiment ta’ €1.7 miljun minn fondi nazzjonali biex flimkien ġew restawrati dan l-Oratorju, dak tal-Immakulata Kunċizzjoni u s-Sagristija. Issa ż-żewġ oratorji jistgħu jerġgħu jibdew jintużaw mill-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġiżwiti kemm għal skopijiet kulturali u kemm għal skopijiet reliġjużi.

 

Il-Ministru Bonnici enfasizza l-importanza ta’ restawr ta’ dawn il-postijiet ta’ wirt importanti, li jinsabu fil-qalba tal-belt kapitali għat-tisħiħ tal-identità nazzjonali u sabiex jitgawdew mill-poplu Malti u Għawdxi. Huwa saħaq li mill-2015 sal-lum, apparti mir-restawr tal-oratorji, sar ukoll xogħol ta’ restawr tal-bejt, tal-koppla, tal-kupletti ta’ fuq il-kappelli, il-kampnar u r-restawr tal-faċċati tal-Knisja fi Triq il-Merkanti, Triq l-Arċisqof u Triq San Pawl b'investiment għal darb’oħra ta’ fondi nazzjonali. 

 

Huwa saħaq li l-Gvern mhux se jieqaf hawnhekk fejn tidħol din il-Knisja iżda għaddej ġmielu l-proċess tar-restawr tal-parti interna, li hija magħrufa ħafna mal-pubbliku minħabba l-gradwazzjonijiet li jsiru fiha li se jsir b’investiment addizzjonali ta’ €1.65 miljun. “Il-wirt patrimonjali jattira wkoll viżitaturi li jiġu f’pajjiżna biex jesperjenzaw il-wirt reliġjuż u dak artistiku. Huwa fid-dover tagħna li naraw li l-patrimonju ta’ pajjiżna jgħaddi mill-ġenerazzjonijiet preżenti għal dawk futuri bl-aqwa mod u dak huwa li qed nagħmlu b’dan l-investiment kbir minn fondi nazzjonali li se jkun qed imiss total ta’ €5 miljun b’xogħlijiet fuq barra u ġewwa l-Knisja,” qal Dr Bonnici. 

 

Apparti x-xogħlijiet fuq l-Oratorju tal-Onorati, ġie inawgurat ukoll ir-restawr ta’ diversi pitturi b’investiment ta’ €217,120 minn fondi Ewropej. Waqt li l-pitturi fi ħdan l-Oratorju tal-Immakulata Kunċizzjoni huma xogħol kollaborattiv tal-artisti Barokki Stefano Erardi u Filippino Dingli, esegwiti fl-1650, il-pitturi fl-Oratorju tal-Onorati huma xogħol kollaborattiv tal-artisti tal-epoka barokka Stefano Erardi u ibnu Alessio.

 

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġiżwiti Rev. Dr Nicholas Joseph Doublet spjega kif il-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġiżwiti bi pjaċir tara r-riżultati viżibbli li diġà nkisbu fil-konservazzjoni u r-restawr taż-żewġ Oratorji u s-sagristija ta’ dan il-kumpless monumentali. “Dan ir-restawr qed jippermetti li nagħtu lura lill-komunità lokali wħud mill-isbaħ spazji barokki fil-Belt Valletta, u ħloqna ċentru kulturali ġdid fil-Belt. Bħala parti integrali minn dan il-proġett bħalissa għaddej it-tieni staġun kulturali, Music & More, li huwa immirat li jippromwovi t-talent artistiku u mużikali taż-żgħażagħ tagħna, u b’hekk inkomplu t-tradizzjoni formattiva li tifforma parti integrali mill-għan tal-kumpless tal-Ġiżwiti,” temm jgħid Fr Doublet.

 

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross tkellem dwar is-sinifikat storiku u artistiku ta’ dawn il-pitturi straordinarji u kbar li jikkumplimentaw u huma proporzjonali mal-arkitettura u l-iskultura tal-Oratorji. Dawn il-pitturi huma minsuġa mal-istorja soċjali u reliġjuża, dik tal-Konfraternitajiet, li kkummissjonaw dawn il-pitturi f’post ta’ talb u devozzjoni. Pace Ross qal li llum nistgħu nerġgħu ngawdu dawn l-oratorji kif kienu meta nbnew 365 sena ilu. 

 

Il-Perit inkarigat minn dawn ix-xogħlijiet Mark Azzopardi spjega l-ħidma teknika li saret. Huwa qal li l-proġett tar-restawr tal-ħitan u tal-art tal-Oratorji huwa proġett li biex isir kien hemm bżonn attenzjoni kbira. “Saru serje ta’ studji preliminari. Qabel kollox ittieħdu serje ta’ testijiet u saru provi sabiex inħolqot proċedura. Meta intrama’ l-armar, stajna nikkonfermaw li kien hemm passata kannella ċara u bajda fuq kollox u li din il-passata kienet tħammġet bit-trab u l-ġmied. Stabbilixxejna metodoloġija kif dan il-ħmieġ seta’ jitneħħa mingħajr ma titneħħa ż-żebgħa ta’ taħtu. Fl-istess ħin, iddokumentajna dawn il-kuluri kollha, sew qabel kif ukoll wara t-tindif, kif ukoll għamilna studji biex nifhmu l-kompożizzjoni ta’ dawn il-kuluri,” spjega l-Perit Azzopardi.




1 view
bottom of page