top of page
Open Site Navigation

Imniedi l-proġett Malti għal-London Design Biennale

Kitba meħuda mill-Orizzont (| Il-Ġimgħa 14 ta’ Ottubru 2022) paġna numru 12



Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-proġett li bih Malta se tkun qed tipparteċipa għall-ewwel darba fil-London Design Biennale.


Il-proġett Urban Fabric, li jinkorpora elementi ta’ arti, arkittettura, u disinn innovattiv, huwa installazzjoni fuq skala kbira bbażata fuq ir-riċerka.


Waqt it-tnedija, il-Ministru Bonnici rrefera għall-importanza tal-parteċipazzjoni ta’ Malta f’avveniment prestiġjuż bħal dan.


“Permezz ta’ dawn l-isforzi, qed inkomplu nwettqu l-missjoni tagħna li nesponu aktar lill-industriji kulturali u kreattivi tagħna fuq pjattaforma internazzjonali. Din hija l-ewwel darba li bħala pajjiż qed nipparteċipaw fil-London Design Biennale, u avveniment importanti fuq skala kbira bħal dan iservi bħala vetrina għas-setturi artistiċi u kreattivi tagħna, waqt li jsaħħaħ ukoll il-profil tad-disinjaturi tagħna fuq livell internazzjonali.”


Urban Fabric huwa kummissjonat mill-Kunsill Malti għall-Arti u juri s-sbuħija tal-qalba tar-raħal Malti tradizzjonali u jgħaqqad żewġ elementi separati – l-ippjanar tal-belt tradizzjonali u t-tradizzjoni Feniċi-Maltija tal-produzzjoni tat-tessut u ż-żebgħa tiegħu. Din l-installazzjoni hija ibbażata fuq is-sostenibbilta u l-kuxjenza ekoloġika tal-artisti.


Il-Kap Eżekuttiv Albert Marshall spjega li “Il-Kunsill Malti għall-Arti huwa ukoll il-kummissjonarju għad-dħul ta’ Malta fil-Biennale ta’ Venezja, li ilna nipparteċipaw fih għal tliet snin. Għalhekk, il-London Design Biennale kien il-pass naturali li jmiss li kellna nieħdu, għall-benefiċċju tal-artisti kreattivi lokali tagħna.”


Open Square, it-tim wara l-proġett, jinkludi erba’ membri: Luke Azzopardi, Trevor Borg, Matthew Joseph Casha u Alessia Deguara. Dawn l-erba’ artisti professjonali huma ismijiet magħrufa u rispettati fiċ-ċirkwit artistiku lokali u internazzjonali, li diġà kkollaboraw fuq proġetti ta’ profil għoli.


It-tim jinkludi wkoll żewġ membri ta’ appoġġ – il-ġurnalista veterana Ramona Depares fuq il-komunikazzjoni u Gilbert Micallef bħala konsulent estern fuq l-aspetti finanzjarji.


Ir-raba’ edizzjoni tal-London Design Biennale se tittella’ bejn l-1 u l-25 ta’ Ġunju 2023. L-installazzjoni se tgawdi minn vetrina prominenti matul il-Biennale f’Somerset, f’Londra.


4 views
bottom of page