Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici għadu kif fetaħ wirja ta’ jumejn organizzata mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, li taqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali. Din il-wirja ta’ natura informattiva tħares lejn l-arkeoloġija u l-proċess tagħha, is-sejbiet arkeoloġiċi u l-metodi użati.
Waqt it-tnedija, il-Ministru stqarr li, “grazzi għal inizjattivi ta’ din is-sura, qed nibdew proċess li bis-saħħa tiegħu qed inkomplu nedukaw u nipprovdu aktar informazzjoni lill-pubbliku dwar l-istorja u l-wirt tagħna. Din il-wirja tħares lejn skoperti li saru minn arkeoloġisti u jkomplu jitfgħu dawl u jipprovdu aktar informazzjoni fuq il-passat tagħna. Bħala gvern aħna impenjati biex nagħmlu l-kultura u l-wirt tagħna aktar aċċessibbli u permezz ta’ din il-wirja qed nagħtu l-opportunità lill-pubbliku biex jara l-proċess ta’ meta jinstab oġġett ta’ valur storiku u l-proċess li jgħaddi minnu qabel ma dan jiġi esibit f’mużew.”
Il-wirja hija wkoll opportunità tajba biex jiġi sottolineat ix-xogħol arkeoloġiku lil hinn mill-mużewijiet u tinkludi wkoll elementi varji tax-xogħol li jsir fil-proċess arkeoloġiku, speċjalment mill-mument li jinstabu dawn l-oġġetti. L-oġġetti normalment ma jkollhomx indikazzjoni ta’ min kienu, għalxiex kienu jintużaw u għala nstabu hemm u jkunu miksija trab jew tajn. Il-wirja qed tgħin ukoll biex jintefa’ dawl fuq ix-xogħol arkeoloġiku minħabba li fdalijiet ta’ din is-sura jiġu skavati b’mod xjentifiku b’tekniċi speċifiċi. Dawn imbagħad jiġu dokumentati u mħarsa mis-Sovrintendenza biex issir ir-riċerka meħtieġa biex l-oġġett jiġi konservat u eventwalment ippubblikat.
Il-wirja tifforma part mill-inizjattiva ‘Jiem l-Arkeoloġija fl-Ewropa’, li bdiet fi Franza fl-2010 biex tippromwovi aktar ix-xogħol li jsir minn entitajiet li jieħdu ħsieb l-arkeoloġija, biex tingħata idea dwar xiex inhu x-xogħol arkeoloġiku filwaqt li hija opportunità biex tingħata informazzjoni lill-pubbliku dwar is-sejbiet u l-kunċetti arkeoloġiċi.
Il-wirja ‘Jiem tal-Arkeoloġija fl-Ewropa’ qed tittella’ f’Bieb il-Belt, il-Belt Valletta fl-14 u fil-15 ta’ Ġunju.
Comments