• Team Owen Bonnici

Imħabbar festival għall-aħħar tas-sajf organizzat b’risq Dar Bjorn f’Birżebbuġa



Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar l-End of Summer Family Weekend Festival b’risq Dar Bjorn – li se jittella’ fl-20, fil-21 u fit-22 ta’ Settembru fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa.


Waqt it-tnedija, il-Ministru Owen Bonnici tkellem dwar l-importanza li jiġu organizzati avvenimenti ta’ din is-sura għal kawża ġusta. “L-arti u l-kultura saru parti intrinsika għas-soċjetà tagħna u permezz ta’ pjattaformi ta’ din is-sura mhux biss qed nippromwovu t-talent lokali imma qegħdin nagħmlu dan is-settur aktar aċċessibbli.” Owen Bonnici kkonkluda li “dan il-gvern jappoġġja dawn it-tip ta’ avvenimenti u hu grazzi għal dawn l-inizjattivi li bħala komunità nistgħu nagħtu lura lil dawk li huma fil-bżonn.”


Dan il-festival fuq 3 ijiem żgur se jipprovdi gost u spettaklu għall-familja. Se jkun hemm gabbani tal-ikel, żona ta’ logħob għat-tfal, suq artiġjanali u tournament tal-football fuq il-bajja, fost l-oħrajn. Dan l-avveniment hu mżewwaq b’bosta affarijiet u se jkun animat minn artisti lokali bħal Claudia Faniello and Band, Ozzy Lino and Band, Raquel Galdes, Kevin Paul, Kirsten Graham u Matthew James. Se jkun hemm ukoll tribute bands u artisti, fosthom Robbie Williams, Spice Girls, Kylie Minogue, U2, Michael Jackson u Bon Jovi. L-attivitajiet se jitilqu mill-5 ta’ filgħaxija ’l quddiem. L-udjenza se tkun tista’ wkoll tibgħat SMS b’donazzjonijiet.

Se jkun hemm ukoll tazzi li jistgħu jerġgħu jintużaw li se jkunu għall-bejgħ għal €2 biss.

Dan l-avveniment hu organizzat min-numru ta’ voluntiera u hu appoġġjat mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa u mill-Kunsill Malti għall-Arti. Għal aktar informazzjoni żur https://www.facebook.com/TheEndOfSummerFamilyWeekendFestival/.

  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo