top of page

Il-Qaritona Nazzjonali tal-Malta Trust Foundation ġabret €250,000

Il-Qaritona Nazzjonali tal-Malta Trust Foundation ġabret €250,000 u għenet aktar minn 120 tifel u tifla f’dawn is-sentejn




Kwart ta’ miljun ewro nġabru mill-Malta Trust Foundation sabiex jiġu megħjuna aktar minn 120 tifel u tifla li huma neqsin mill-vista jew tfal li huma fuq l-ispettru tal-awtiżmu u li ma jkunux jikkomunikaw. Dan minn meta ngħata bidu għall-proġett ‘e3: empower, encourage and educate’.


Permezz tal-Qaritona Nazzjonali fl-iskejjel primarji, studenti tal-iskejjel primarji kkontribwew €15,000. Il-kumplament tal-fondi nġabru grazzi għal numru ta’ inizjattivi li ttieħdu mill-corporate partners tal-Fondazzjoni, Re/Max and Friends u minn membri oħrajn tal-komunità kummerċjali.


It-tielet edizzjoni tal-Qaritona Nazzjonali tnediet illum fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Edukazzjoni, hekk kif inhu stipulat mill-Ġnus Magħquda.


Iċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation, Marie-Louise Coleiro Preca, qalet li, “Il-Qaritona Nazzjonali ssir sabiex ikun assigurat li t-tfal u ż-żgħażagħ kollha jkollhom l-opportunità li jkunu empowered, li jiġu inkoraġġuti u li jkollhom aċċess għall-edukazzjoni”.


“Dan hu wkoll proġett ambizzjuż li għandu element qawwi ta’ parteċipazzjoni tat-tfal - proġett li hu wkoll karatterizzat minn sens kbir ta’ kollaborazzjoni”.


Għall-Qaritona Nazzjonali, il-Malta Trust Foundation, fil-fatt, qed tikkollabora mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, flimkien mal-Fondazzjoni għall-Aċċessibbiltà tal-Informatika (FITA), l-Autism Parents Association, l-Association of Speech and Language Pathologists, l-għaqda Advice, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni, u mal-komunità kummerċjali grazzi għall-inizjattivi tagħhom bħala parti mis-CSR.


Marie-Louise Coleiro Preca qalet ukoll li, “Dan mhuwiex avveniment ta’ darba iżda hu parti minn kullana ta’ proġetti sostenibbli li huma ffaċilitati mill-Malta Trust Foundation. Bħala fondazzjoni, l-ethos tagħna hu li nassiguraw li t-tfal u ż-żgħażagħ kollha jgħixu ħajja dinjituża”.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici qal li, “Bħala gvern, aħna rridu niżguraw li nagħtu l-aħjar opportunitajiet possibbli għall-istudenti tagħna. Din il-qaritona nazzjonali hi inizjattiva mill-aqwa li tkattar imħabba lejn il-qari fost l-istudenti, speċjalment minħabba li hi mod mill-aħjar biex isaħħu l-għarfien u l-vokabularju tagħhom u jżidu aktar il-konċentrazzjoni, filwaqt li nsaħħu l-esperjenza edukattiva tagħhom permezz ta’ forom differenti ta’ letteratura”.

Il-Ministru Bonnici qal li llum hu wkoll il-jum internazzjonali għall-edukazzjoni u semma li l-qari hu deċiżament aspett importanti biex wieħed isaħħaħ il-proċess edukattiv tiegħu. “Aħna impenjati biex inkomplu nsaħħu s-settur edukattiv għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet futuri”, ikkonkluda l-ministru.


Il-Qaritona Nazzjonali għandha żewġ skopijiet: li titkabbar l-imħabba lejn il-qari filwaqt li fl-istess waqt issir solidarjetà ma’ dawk inqas ixxurtjati.


Is-Sur David Muscat, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, qal li, “L-għan ewlieni tal-Qaritona hu li nkomplu nrawmu fit-tfal tagħna sens ikbar ta’ mħabba lejn il-qari. Hu ġest nobbli li wieħed jgħin lil sħabu fil-bżonn u b’din l-inizjattiva t-tfal se jkunu qed jagħtu daqqa t’id filwaqt li jaqraw aktar kotba li huma għal qalbhom”.



Comentários