top of page

Il-Palazz tal-Gran Mastru jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu għall-viżitaturi wara restawr estensiv b’investiment ta’ aktar minn €40 miljun



Wara snin ta’ ħidma loġistika u ta’ restawr bla preċedent, il-Palazz tal-Gran Mastru – ġawhra fil-qalba tal-Belt Valletta li jista’ jitqies il-benniena ta’ ġensna – qed jerġa’ jilqa’ lill-viżitaturi. Dan hekk kif il-Ġimgħa filgħaxija ġiet inawgurata l-fażi tar-restawr li sar fuq ġewwa ta’ dan is-sit storiku u arkitettoniku.

 

L-Armerija reġgħet ħadet postha lura fejn kienet oriġinalment sa mill-1605, jiġifieri fis-sala fejn sa ftit snin ilu kien jiltaqa’ l-Parlament; ġew restawrati l-kurituri tal-Piano Nobile; u l-Uccelliera, fejn qabel kien hemm l-uffiċċju tal-Ispeaker; u tlesta ċentru tal-viżitaturi fiż-żona magħrufa bħala Palazzo del Monte u l-Orangere (li kien l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali) u l-post fejn fil-passat kien hemm ġnejna tal-larinġ. Apparti minn hekk, ġew restawrati wkoll il-btieħi tal-palazz, u kif ukoll is-Swali Statali.

 

Fit-totalità tiegħu, il-proġett tar-restawr tal-Palazz tal-Gran Mastru se jsir b’investiment ta’ aktar minn €40 miljun iffinanzjat mill-Gvern Malti u bi 18-il miljun minnhom b’kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

 

F’diskors waqt iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni, il-President ta’ Malta George Vella awgura li dak li qed niċċelebraw illum huwa kapitlu ieħor sabiex ikun il-bidu ta’ triq li matulha jiġġeddu l-għarfien u s-sostenibbilità tal-wirt kulturali Malti li dan il-Palazz huwa parti tant importani minnu.

 

Il-President Vella fakkar li mill-bidu tal-Presidenza tiegħu kellu jmexxi l-uffiċċju tiegħu, bl-impjegati kollha, lejn il-Palazz ta’ Sant’Anton. “Meta nħares lura ma jiddispjaċini xejn għas-sagrifiċċju li jien u l-istaff tiegħi kellna nagħmlu għaliex maż-żmien għaraft l-urġenza li kien hemm għar-restawr ta’ dan il-ġojjell li kellu ħsarat mhux żgħar”, stqarr il-President Vella.

 

Waqt li għamel referenza għaż-żjarat li ta’ spiss kien jagħmel fil-Palazz tal-Gran Mastru waqt ix-xogħlijiet, il-President irringrazzja u sellem lil dawk kollha, mill-kbir saż-żgħir, li taw sehemhom biex dan il-proġett hekk kbir u kkumplikat seta’ jitwettaq.

 

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela, f’diskors waqt iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni, fisser ix-xewqa tal-Gvern li dan il-Palazz ikun isbaħ biex bħalma gawdewh ta’ qabilna u qed ingawduh aħna, inkunu nistgħu nassiguraw li jgawduh il-ġenerazzjonijiet futuri. Fakkar fi żjara li kien għamel fl-2020, meta d-dinja kienet qed tiffaċċja pandemija u li dakinhar il-messaġġ lit-tmexxija ta’ Heritage Malta kien wieħed ta’ kuraġġ, iżda wkoll messaġġ dwar il-bżonn ta’ aktar ħidma u investiment biex meta jgħaddi l-għawġ, id-dinja ssibna lesti biex mhux biss inkomplu b’ħajjitna, imma nkunu fuq quddiem nett ta’ diversi oqsma.

 

“Il-kultura u l-ħarsien tal-patrimonju nazzjonali għalina ma kienx eċċezzjoni. Minflok naqqasna l-investiment, żidnieh. Minflok naqqasna r-ritmu, żidnieh. Illum ninsabu hawn f’din il-ġawhra mibdula, proġett sabiħ li wassalnieh ukoll. Ġawhra fost il-ħafna li għandna f’din il-belt kapitali li tant aħna kburin biha. Qegħdin niddedikaw fondi nazzjonali għal proġetti bħal dawn frott l-għaqal fit-tmexxija ekonomika. Għax ir-riżultati ekonomiċi li niksbu jagħtuna s-saħħa li bħala pajjiż ikollna r-riżorsi meħtieġa biex ninvestu fl-oqsma kollha.”

 

Il-Prim Ministru Robert Abela kkonkluda li l-Gvern qed jinvesti biex iħejji għall-futur filwaqt li ma jagħti qatt ġenb il-ħarsien ta’ dak li jagħmilna min aħna. “Għax aħna Maltin kburin. Għax grati għal dak li għamlu dawk li ġew qabilna u rridu nħarsuh. Għax irridu nagħtu preżent b’saħħtu u rridu li l-ġenerazzjonijiet futuri jkunu kburin b’dak li jsibu. Fuq kollox għax irridu nfasslu futur sabiħ.”

 

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Chris Fearne tkellem dwar ir-rwol tal-binja prestiġjuża matul iż-żmien li laqgħet fiha l-Parlament Malti, fejn għaddew eluf ta’ liġijiet li fasslu l-mod ta’ kif ngħixu llum. “L-istorja ta’ dan il-Palazz tgħallimna illi l-paċi u d-demokrazija li nafu u ngħożżu llum, irridu ngħassuhom u nibżgħu għalihom” qal id-Deputat Prim Ministru li temm billi awgura li fil-ġejjieni Malta tibqa’ tixpruna l-valuri tas-solidarjetà u d-demokrazija fl-Ewropa u fil-Mediterran.

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega kif qabel ma beda l-proġett kellu jsir xogħol kbir sabiex jinħarġu d-diversi uffiċini li kienu fil-Palazz, inkluż l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Sal-bidu tal-proġett il-Palazz tal-Gran Mastru kien l-aktar sit tal-aġenzija Heritage Malta li jżuruh nies, b’madwar 250,000 viżitatur kull sena.

 

“Madanakollu, b’esperjenza lill-viżitaturi differenti għalkollox minn dik li kellna, issa ninsabu ħerqana li nilqgħu aktar nies li jiġu jaraw il-Palazz fis-snin li ġejjin,” qal il-Ministru Bonnici u spjega li dan hu l-aktar proġett ambizzjuż li qatt sar fil-qasam kulturali fl-istorja moderna ta’ pajjiżna.

 

Iċ-Chairman ta’ Heritage Malta Mario Cutajar fisser kif il-Palazz qed jingħata lill-poplu bħala togħma żgħira tal-viżjoni ta’ Heritage Malta li tagħmel mill-mużewijiet u s-siti tagħha esperjenza unika.

 

Is-Sur Cutajar, li huwa wkoll il-President tal-maltabiennale.art, semma kif iċ-ċelebrazzjoni tar-restawr tal-Palazz tal-Gran Mastru se toħroġ mill-konfini ta’ pajjiżna eżatt xahrejn oħra meta jiftaħ il-biennale ta’ Malta minn dan il-Palazz stess. Spjega kif għal kważi tliet xhur Malta se tkun bejta ta’ kreattività li għandha tagħti dimensjoni ġdida lis-siti li tmexxi Heritage Malta.

 

Fi tmiem id-diskors tiegħu, huwa rringrazzja lill-ħaddiema ta’ Heritage Malta li għal darb’oħra għamlu biċċa xogħol mill-aqwa, lill-President ta’ Malta tal-koperazzjoni assoluta li ntweriet tul il-Presidenza sħiħa tiegħu, kif ukoll lill-Gvern Malti u anke l-Unjoni Ewropea għall-finanzjament tal-proġett. Heritage Malta tqis dan bħala fiduċja fl-aġenzija li dak li tidħol għalih, twettqu bl-ogħla kwalità.

 

Fid-diskors tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, is-Sur Noel Zammit, semma li hu kburi u sodisfatt ferm, u esprima l-gratitudni tiegħu lejn il-ħaddiema kollha involuti fil-proġett u wkoll lejn l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż li kkollaboraw biex din il-ħolma saret realtà.

 

Fiċ-ċerimonja tal-ftuħ mill-ġdid tal-Palazz tal-Gran Mastru ħadu sehem ‘il fuq minn erbgħin artist, personalità u tfal b’xogħol addattat u kkummissjonat għal din is-serata.

 

Il-Palazz se jkun miftuħ kuljum bejn id-09:00 u l-17:00. Għal aktar tagħrif tista’ żżur hawnhekk: https://heritagemalta.mt/explore/grand-masters-palace/.

 

Ritratti: DOI/OPR/OPM

 



 


 





1 view
bottom of page