• Team Owen Bonnici

Il-Ministru Owen Bonnici iżur iċ-childcare centre ta’ San Ġwann



Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici żar iċ-childcare centre f’San Ġwann li jilqa’ fih, fuq bażi bla ħlas, tfal tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa u tal-korpi dixxiplinati. Dan iċ-ċentru ilu jilqa’ t-tfal fih sa’ mis-16 ta’ Marzu li għadda.

Il-Ministru Bonnici spjega li bħalissa f’dan iċ-ċentru hemm total ta’ 38 tifel u tifla – 20 li huma rreġistrati fil-klabb għal etajiet bejn 0-3 snin, u 18-il tifel u tifla oħra rreġistrati b’etajiet bejn tliet snin u sittax-il sena.

“Nixtieq nirringrazzja lil kull min kien involut sabiex l-Iskola Primarja ta’ San Ġwann li tagħmel parti mill-Kulleġġ ta’ Santa Klara nbidlet minnufih u ġiet mgħammra apposta ħalli jingħataw servizz b’xejn ta’ childcare lil dawk il-professjonisti u membri tal-forzi dixxiplinati li tant qed jagħmlu xogħol siewi”, qal il-Ministru Bonnici. Huwa rringrazzja b’mod partikolari liċ-childcarers li ilhom għal dawn l-aħħar xahrejn u iktar jagħtu servizz mill-qalb li pajjiżna tant kellu u għandu bżonn.

Il-Gvern, f’Marzu li għadda, kien ħabbar li se jiġu offruti servizzi ta’ childcare b’xejn lil professjonisti fil-qasam tas-saħħa u tal-korpi dixxiplinati biex b’hekk tiġi assigurata kemm jista’ jkun il-kapaċità massima ta’ dawn il-ħaddiema fl-isptarijiet u t-toroq tagħna minħabba l-imxija tal-COVID-19.

Is-servizz qed jiġi offrut mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa skont il-pariri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa biex jitħarsu kemm it-tfal u kemm iċ-child carers skont protokolli apposta.

Iċ-ċentru jiftaħ bejn is-7.00 ta’ filgħodu u l-4.00 ta’ waranofsinhar.





  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo