• Team Owen Bonnici

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jingħaqad virtwalment f’lezzjoni tal-primarja



Wara li tħabbar l-għeluq tal-iskejjel fiċ-ċirkostanzi li jinsab fihom il-pajjiż, bdiet il-ħidma sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jibqgħu jsegwu mas-sillabu billi jsiru lezzjonijiet ta’ tagħlim b’mezzi online mal-edukaturi rispettivi tagħhom. Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol żar klassi fl-Iskola Primarja Sant’Anna f’Marsaskala, li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Tumas More, fejn kienet qed issir lezzjoni bejn l-edukatur u l-istudenti li kienu qed isewgu minn djarhom stess.

Dawn il-lezzjonijiet online normalment isiru mir-residenza tal-għalliema.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici qal, “Kemm nieħu gost nara li għalkemm l-iskejjel huma magħluqa u l-istudenti ma jistgħux imorru fiżikament biex jitgħallmu, xorta waħda sibna mezz sabiex it-tagħlim ikun possibbli li jibqa’ jsir xorta waħda. Ninsab kuntent bix-xogħol li baqa’ jsir mill-edukaturi tagħna sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jkomplu bit-tagħlim u bl-edukazzjoni tagħhom. Din il-ħidma hi, wara kollox, għall-benefiċċju ta’ uliedna u ta’ ulied uliedna.”

Il-Ministru Bonnici kellu ċ-ċans isegwi l-proċess li bis-saħħa tas-sistema iLearn l-edukaturi jistgħu jibagħtu xi xogħol lill-istudenti biex jgħinuhom fl-akkademja. Hekk kif jidħlu fl-iLearn, l-istudenti jkunu jistgħu jibdew jaħdmu fuq li jkun ingħatalhom mill-għalliema u jibagħtuh lura permezz tat-tablet li għandhom.

Il-ministru rringrazzja lill-għalliema kollha tax-xogħol siewi li qed jagħmlu kif ukoll lill-ħaddiema tal-iskola primarja f’Marsaskala flimkien mal-amministrazzjoni tal-Kulleġġ San Tumas More għax bis-saħħa tagħhom kien possibbli li x-xogħol jibqa’ jsir kif ukoll li l-istudenti jkollhom din l-esperjenza, anke kontinwazzjoni tas-sillabu tagħhom.

Dr Owen Bonnici rringrazzja wkoll lill-ġenituri u lill-kustodji għall-koperazzjoni tagħhom u għall-mod kif ħafna qed jappoġġaw lit-tfal tagħhom waqt li jkunu fi djarhom.

  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo