• Team Owen Bonnici

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol iniedi żewġ kotba tal-Istudji Soċjali



Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici nieda żewġ kotba tal-Istudji Soċjali b’dimensjoni Ewropea għall-ewwel sentejn tas-sekondarja, flimkien mar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta u mad-Direttorat għall-Programmi tat-Tagħlim u l-Evalwazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni.

Dawn il-kotba huma bbażati fuq is-sillabu aġġornat tal-Istudji Soċjali u huma ffinanzjati mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea. Il-kotba ngħataw dimensjoni Ewropea, fejn l-istudenti jibdew jiffamiljarizzaw ruħhom ma’ xi jfisser li tkun ċittadin ta’ blokk ekonomiku u politiku ta’ 27 stat membru u nofs biljun ruħ.

Il-ministru enfasizza l-irwol importanti tas-suġġett. “L-iskop primarju tal-Istudji Soċjali huwa li jgħin liż-żgħażagħ jieħdu deċiżjonijiet infurmati u raġunati għall-ġid pubbliku bħala ċittadini ta’ soċjetà demokratika kulturalment diversa f’dinja interdipendenti. L-inklużjoni tal-Istudji Soċjali fil-kurrikulu tfisser l-importanza tas-suġġett u l-irwol li għandu fil-ħajja tal-istudenti tagħna. Billi ninkorporaw l-Istudji Soċjali fil-kurrikulu tal-iskola qed niżguraw edukazzjoni sħiħa għal uliedna u għal ulied uliedna”.

Spjega li, “Dan il-ktieb jiffoka fuq oqsma ewlenin tal-istudji ċiviċi li jintroduċu lill-istudent għal diversi kunċetti bħar-responsabbiltà soċjali, il-gruppi u l-għaqdiet, l-ambjent u x-xogħol. Huwa ppreżentat b’disinn modern u attraenti u jispjega wkoll prinċipji bażiċi dwar l-irwol ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea bħala stat sovran li jipparteċipa f’deċiżjonijiet politiċi ewlenin għall-pajjiż u għall-kontinent”.

Dr Elena Grech, Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, qalet, “Ir-Rappreżentanza ilha żmien twil taħdem mal-iskejjel u mal-awtoritajiet edukattivi biex tkattar dejjem aktar l-għarfien dwar is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u l-opportunitajiet li nħolqu b’riżultat ta’ dan. Minbarra l-preżenza regolari fl-iskejjel u l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet edukattivi varji, ir-Rappreżentanza ħadmet fuq dejjem aktar inklużjoni ta’ materjal Ewropew fis-sillabi u fl-esperjenza edukattiva. Dan l-aħħar żdiedet il-koperazzjoni mal-oqsma edukattivi differenti, fosthom Skolasajf u anke bil-kollaborazzjoni mal-inizjattiva Brillantini tal-Kitba, fejn l-istudenti rebbieħa ttieħdu mawra Brussell biex jaraw kif jaħdmu l-istituzzjonijiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea. Din l-aħħar inizjattiva tal-pubblikazzjoni ta’ dawn il-kotba hija sforz aktar konkret sabiex l-istudenti jkollhom għarfien bażiku sod dwar xi jfisser tkun ċittadin tal-Unjoni Ewropea”.

Il-proġett editorjali tmexxa mill-Uffiċċju tal-Lingwa tar-Rappreżentanza tal-KE f’Malta u mill-uffiċjal edukattiv għall-Istudji Soċjali fi ħdan DLAP.



6 views0 comments