top of page

Il-kultura u l-patrimonju kulturali għandhom jiġu elevati għaċ-ċentru tad-dibattitu dwar il-klima

Kitba meħuda mill-Orizzont (Is-Sibt 18 ta’ Ġunju 2022) paġna numru 2.




“Malta tappoġġja l-idea li l-kultura u l-patrimonju kulturali jitpoġġew fuq l-aġenda tal-COP27 li se ssir f’Sharm El-Sheikh, l-Eġittu, f’Novembru li ġej, u dan sabiex inpoġġu l-kultura u l-wirt kulturali fuq quddiem fid-dibattitu dwar il-klima, b’kontribuzzjoni pożittiva għall-kisba tal-miri komuni tagħna”


Dan sostnieh il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici waqt konferenza f’Napli tal-ministri tal-kultura tar-reġjun Ewro-Mediterran u tas-Sħubija tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea.


Huwa qal li hemm ħtieġa li mmexxu ‘l quddiem aġenda fejn il-kultura tkompli tiġi elevata favur soċjetà sostenibbli u inklużiva li tipproteġi d-diversità fil-forom kollha tagħha.


Il-Ministru Bonnici qal li, “Fis-seħħ hemm bosta strateġiji, pjanijiet, u miżuri li jindirizzaw kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà, fosthom hemm l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u l-Ftehim ta’ Pariġi, li huma strumenti globali maħsuba biex jipprovdu gwida globali u mira speċifika. Madankollu, il-kisba ta’ dawn il-miri tiddependi ħafna fuq strateġiji u miżuri mfassla għall-isfidi u l-potenzjal speċifiċi ta’ kull stat.”


Il-Ministru Bonnici enfasizza li Malta dejjem kienet konxja mill-ħtieġa ta’ soluzzjonijiet flessibbli aktar minn dik ta’ soluzzjoni waħda għal kulħadd.


Għaldaqstant Malta tappoġġja bis-sħiħ dan il-format li fih il-pajjiżi Mediterranji jingħaqdu flimkien sabiex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jiddiskutu kwistjonijiet speċifiċi reġjonali.


Huwa spjega wkoll li Malta tappoġġja l-integrazzjoni aħjar tal-kultura bħala parti minn pjanijiet ta’ żvilupp ekonomiku u sostenibbiltà fit-tul.


Il-kultura għandha ħafna x’toffri f’dan il-qasam, partikolarment fil-ħolqien ta’ kuxjenza. Għalhekk sostna li b’kollaborazzjoni mas-settur edukattiv, il-kultura tista’ tkun mezz mhux intrużiv biex iċ-ċittadini tagħna jsiru konxji tal-isfidi li niffaċċjaw bħala soċjetà u l-partijiet interessati involuti.

Comments


bottom of page