Open Site Navigation

Il-Karatteristiċi li Jagħmluna Maltin Huma Uniċi




IL-MINISTRU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U GVERN LOKALI, OWEN BONNICI

Kitba ta’ CLIFFORD GALEA


Il-kultura Maltija hija tassew ixxurtjata li tinsab taħt idejn it-tmexxija tal-Ministru Owen Bonnici. Qed ngħid dan mhux biex nidher ħelu imma hija purament verità. Kelli l-opportunità naħdem fil-qrib mal-Ministru Bonnici mhux tant snin ilu, u naf sew kemm hu rett, ikkulturat u preċiż f’xogħlu. Jitfa’ passjoni f’dak li jagħmel u r-riżultat tal-ħidma tiegħu, jitkellem waħdu. Bħala bniedem li studjajt l-istorja u l-kultura Maltija u li nqishom bħala parti integrali minn ħajti, ma stajtx ma nifraħx li nara lill-Ministru Bonnici jsir Ministru tal-Kultura fost is-setturi l-oħra li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu. Tkellimna dwar suġġetti interessanti.


L-Onorevoli Dr Owen Bonnici u l-kultura imorru id f ’id. Inkun qed ngħid sew?

Sew qed tgħid. L-imħabba li għandi lejn il-kultura hija kbira. Bħala wild raħal li tista’ tgħid miżgħud bit-tradizzjonijiet kulturali mill-isbaħ u residenti f’ieħor ukoll miżgħud b’passjoni lejn il-kultura għalija dan hu settur kruċjali għal pajjiż aħjar. U anke l-ġenituri tiegħi minn dejjem ħassew l-importanza li jrawmu fija l-imħabba lejn il-kultura sa minn età żgħira.

Malta u Għawdex, għalkemm huma gżejjer żgħar għandhom qalb kbira. Il-festi, pereżempju, huma xempju ta’ kemm il-Maltin għandhom qalbhom kbira u passjoni għal dak li jagħmel it-tradizzjoni u l-kultura Maltija.


Dawn id-dilettanti, b’sens ta’ dover jiddedikaw ħafna u ħafna ħin biex jaraw li r-raħal tagħhom jibqa’ jissemma għal festa sabiħa.


Fuq livell differenti minn dejjem kelli ammirazzjoni lejn in-niċċa ekonomika msejħa l-ekonomija kreattiva fejn nies jagħżlu li jagħmlu l-kultura l-post tax-xogħol tagħhom. Nammirahom immens u nemmen li bħalaGvern għandna ħafna għal xiex inkunu kburin bil-ħidma ta’ kull min jikkontribwixxi f’din l-ekonomija.



Fiex jikkonsisti l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali?


Ministeru vast u għal qalbi ħafna, fejn għandna varjetà ta’ entitajiet li jagħmlu xogħol imprezzabbli. Wara waqfa ta’ sentejn, pereżempju, issa għanda xelta ta’ attivitajiet varji li ġejjin u n-nies qed iħarsu lejn sajf mimli avvenimenti sbieħ.


Dan il-Ministeru għandu rwol kruċjali fil-ħarsien u fl-iżvilupp tal-kultura nazzjonali, fil-protezzjoni tal-wirt kulturali u fl-interpretazzjoni tal-identità nazzjonali.


Hu wkoll responsabbli biex nippromwovu l-ekonomija kreattiva u nkomplu nżidu x-xogħol u l-opportunitajiet f’dan is-settur.


Hemm ukoll komponent ieħor importanti li hu x-Xandir Pubbliku li hu kruċjali għad-demokrazija ta’ pajjiżna.


Jekk tgħidli x’inhuma l-miri li tixtieq li l-Ministeru tagħna jwettaq, it-tweġiba li nagħti hi immedjata: li nsaħħu l-kwalità u l-esperjenza tal-prodott kulturali anke billi nsaħħu l-infrastruttura tagħha, li nkabbru l-udjenzi u li “nesportaw” iktar u iktar talent barra minn pajjiżna, ħalli b’hekk pajjiżna u ġensna jkomplu jikbru.



Wasal il-Karnival Malti li din is-sena qed isir f ’Mejju. X’hemm imħejji u kif għen il-Gvern biex tradizzjoni antika bħal din tissaħħaħ?


Minħabba li dawn l-aħħar sentejn, kienu żminijiet li minħabba l-pandemija ma stajniex niċċelebraw il-Karnival bil-mod kif imdorrijin nagħmlu, fl-aħħar il-poplu Malti u Għawdxi jista’ jerġa’ jgawdi dan l-avveniment li hu tant għal qalb in-nies.


Aktar kmieni din is-sena, sar programm ridott tal-Karnival ta’ Malta li inkluda esebizzjonijiet tal-kostumi u tal-fotografija, u interpretazzjoni tal-Qarċilla b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv, kif ukoll installazzjonijiet statiċi madwar il-Belt Valletta u f’diversi rħula. Dan il-programm ġie maħsub apposta biex il-Karnival xorta waħda ġie ċċelebrat fil-parametri imposti mill-awtoritajiet tas-saħħa f’dawk iż-żminijiet.


Il-programm ta’ din l-edizzjoni jinkludi sfilata ta’ installazzjonijiet li kkompetew fi Frar flimkien mar-Re tal-Karnival u l-maskaruni, il-parata u kompetizzjonijiet taż-żfin ġewwa l-arena fi Pjazza San Ġorġ il-Belt. Is-Sibt filgħodu ser jirritorna l-Karnival tat-Tfal ġewwa l-arena u s-Sibt u l-Ħadd ser naraw il-Qarċilla mill-pinna ta’ Ċikku l-Poplu li ser issir quddiem il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt.


Il-programm karnivalesk ser jinkludi wkoll ċelebrazzjonijiet tal-karnival f’diversi rħula madwar Malta, Karnival spontanju f’Ħal Għaxaq u l-famuż Ballu Tritoni b’kollaborazzjoni mal-Valletta Cultural Agency, li ser isir tul it-tlett ijiem tal-Karnival fi Pjazza Tritoni l-Belt.

Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit elettroniku ta’ Festivals Malta, www. festivals.mt/karnival, jew mit-Tourist Information Office li jinsab fi Pjazza Tritoni, il-Belt Valletta.


Il-festi, il-mużewijiet u l-bini storiku f ’pajjiżna huma suġġetti enormi fil-kobor ta’ ġmielhom u l-valur li għandhom. Qegħdin nużawhom biżżejjed biex nuruhom lit-turist u anke lill-Malti stess? X’jista’ jsir iżjed?


Ebda żjara f’Malta ma tkun kompluta jekk wieħed ma jesperjenzax il-kultura u l-istorja inkredibbli li għandhom x’joffru l-Gżejjer tagħna. Il-mużewijiet tagħna jmorru lura għal ħafna u ħafna snin. Il-maġġoranza tal-mużewijiet jinsabu fil-Belt Valletta u jkopru affarijiet bħall-istorja naturali u l-arti, iżda madwar il-Gżejjer tista’ ssib ukoll mużewijiet oħrajn li għandhom il-karatteristiċi uniċi tagħhom. Il-festi, il-mużewijiet u l-bini storiku f’pajjiżna huma ġawhriet imprezzabbli għas-settur.

Hekk kif pajjiżna huwa miżgħud b’bini storiku li huwa l-għira ta’ ħafna, irridu nżommu l-livell li nibqgħu fuq nett tal-lista rekwiżita mill-viżitaturi u t-turisti. Se nibqa’ impenjat bis-sħiħ li nara lil Malta tgawdi mill-aspetti u n-niċeċ kulturali li kapaċi nisfruttaw bħala pajjiż sabiex nibqgħu nkunu minn ta’ quddiem biex nimbuttaw l-ekonomija Maltija permezz ta’ aktar tkattir ta’ ġid ekonomiku.


Nifhem ix-xogħol iebes u d-dedikazzjoni tal-artisti li jqattgħu sigħat twal, biex iżommu l-kultura tagħna ħajja u permezz ta’ skemi li qed joħorġu u grazzi għallArts Council se nkunu qed nassistuhom fil-prattika.


Sena wara sena, qed ninnotaw li l-proġetti sottomessi għall-għajnuna finanzjarja qed ikunu dejjem iktar avventurużi u kuraġġużi filwaqt li jesploraw attivitajiet ġodda u din hi xi ħaġa li tawgura tajjeb għas-settur.


Xi prospetti hemm ġodda li jistgħu anke jkunu innovattivi fil-qasam kulturali ta’ pajjiżna?


Il-Partit Laburista ressaq quddiem il-poplu 1,000 proposta li issa, ladarba ġew approvati mill-elettorat issa se jitwettqu. Fost dawn l-1,000 proposta hemm għadd ta’ proposti marbuta mas-settur kulturali li huma ambizzjużi u fl-istess waqt sbieħ immens u li kommessi li nwettquhom.


Dawn imissu setturi varji bħall-infrastruttura kulturali, għajnuniet għall-artisti, skemi edukattivi biex inħajru iktar tfal jersqu lejn il-kultura u tant u tant innovazzjonijiet oħra.

Jien m’għandix dubju li hekk kif jgħaddu dawn il-ħames snin se nħarsu lura u ngħidu: kemm sar xogħol u kemm twettaq xogħol favur pajjiżna!


Kemm sar iżjed importanti maż-żmien il-wirt kulturali ta’ pajjiżna? Temmen li l-poplu japprezzah biżżejjed?


Nistgħu, bi kburija, ngħidu li l-gżejjer tagħna huma mogħnija b’wirt kulturali imprezzabbli li hu apprezzat mill-pubbliku, kif ukoll imfittex minn ħafna turisti. Pajjiżna tant hu rikk fil-patrimonju kulturali li verament għandna biex inkunu kburin.


Il-poplu Malti u Għawdxi għandu jkun kburi b’dan u japprezza dan il-wirt bissħiħ. Meta wieħed imur f’pajjiżi ’l barra minn xtutna jifhem aktar l-importanza u l-kobor li Malta għandha x’toffri minn kull aspett kulturali. Għandna diversi karatteristiċi uniċi li jagħmluna Maltin u hu d-dover tagħna li nivvalorizzawhom.


X’nifhmu meta ngħidu Gvern Lokali? X’inhuma l-isfidi f ’dan il-qasam?


Il-wirt kulturali huwa espressjoni tal-modi ta’ għajxien żviluppati minn komunità u mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra. Kull lokalità għandha l-wirt kulturali tagħha stess li jitgawda mill-komunità. Il-Kunsilli Lokali għandhom irwol importanti fil-priservazzjoni u fl-għoti ta’ informazzjoni dwar il-wirt kulturali tal-lokalità.


Gvern Lokali jħaddan l-istess prinċipji li bħala nazzjon insaħħu u ntejbu l-ħajja fil-lokalitajiet. Dawn il-prinċipji jindirizzaw il-ħtiġijiet essenzjali fil-komunitajiet tagħna permezz ta’ qafas kollettiv għax aħna nemmnu li prinċipji bħal dawn huma importanti fl-iżvilupp ta’ pajjiżna u għandhom effett dirett fuq it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tan-nies.


L-isfidi f’dan il-qasam huma l-prinċipji ta’ Governanza Demokratika tajba fil-livell lokali u li bħala Gvern Lokali nkunu aktar qrib il-komunità.


Jien nemmen ħafna fil-ħiliet tas-Segretarja Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli għal aktar ħidma sfiqa għall-komunitajiet Maltin u Għawdxin. M’għandix dubju li Alison se tagħmel id-differenza f’dan is-settur.


“Dan il-Ministeru għandu rwol kruċjali fil-ħarsien u fl-iżvilupp tal-kultura nazzjonali, fil-protezzjoni tal-wirt kulturali u fl-interpretazzjoni tal-identità nazzjonali. Hu wkoll responsabbli biex nippromwovu l-ekonomija kreattiva u nkomplu nżidu x-xogħol u l-opportunitajiet f’dan is-settur.”



Kieku kellek tingħata mument biex tippromwovi lil Malta fl-isfera internazzjonali, x’tgħid dwarha?


Il-karatteristiċi li jagħmluna Maltin huma uniċi, affarijiet inspjegabbli li jagħmluna kburin li aħna Maltin. Il-wirt storiku u intanġibbli f’Malta huwa xi ħaġa ta’ valur enormi għal pajjiżna u għandna biex inkunu kburin għax aħna fost l-aqwa fid-dinja b’dan kollu.

Din is-sena nedejt il-Padiljun Malti matul id-59 Wirja Internazzjonali tal-Arti “La Biennale di Venezia”, liema Padiljun ġie kkummissjonat mill-Kunsill Malti għall-Arti.

Fil-Padiljun Malti ġiet esebita installazzjoni bl-isem ta’ “Diplomazija Astuta”, liema installazzjoni ntlaqgħet tajjeb ferm min-nies li żaru l-Biennale ta’ din is-sena f’Venezja.

Avvenimenti bħal dawn juru kemm it-talent lokali qed ikun aċċessibbili anke għal udjenza internazzjonali. L-arti tagħna u r-rakkonti li jintisġu minnha qed ikunu mifruxa b’mod akbar.

Illum l-artisti f’pajjiżna għandhom ukoll l-opportunità li jagħmlu karriera permezz tat-talenti tagħhom, u hu importanti li noħolqu esperjenzi uniċi li permezz tagħhom inlaqqgħu artisti Maltin ma’ dawk internazzjonali. B’hekk, inkunu qed nikkultivaw it-talent u noffru pjattaforma iżjed mifruxa. Artisti minn madwar id-dinja jingħaqdu flimkien biex jaqsmu l-ideat tagħhom, fejn qed jiġu ispirati kapulavuri kbar. Il-ħidma u l-investiment tal-Gvern fis-setturi tal-arti u l-kultura qegħdin joħolqu legat dejjiemi.




6 views