• Team Owen Bonnici

Il-Gvern b'riżoluzzjoni Parlamentari għat-trasferiment ta' erbà binjiet favur l-Università ta' Malta



Il-Gvern se jkun qed jippreżenta riżoluzzjoni parlamentari għat-trasferiment tal-Campus tal-Università tal-Belt Valletta, il-Campus tal-Università li jinsab f’Marsaxlokk, il-Junior College li jinsab fl-Imsida u l-Campus tal-Università li jinsab fix-Xewkija Għawdex. Dawn is-siti u binjiet huma attwalment proprjetà tal-Awtorità tal-Artijiet u bis-saħħa ta’ din ir-riżoluzzjoni se jgħaddu favur l-Università ta' Malta.

Ir-riżoluzzjoni Parlamentari ssegwi Memorandum of Understanding li kien ġie ffirmat bejn il-Gvern ta' Malta u l-Università ta' Malta s-sena li għaddiet.

Il-proprjetà se tkun trasferita b'titolu ta’ emfitewsi perpetwa u se jkun provdut li l-proprjetajiet jintużaw primarjament għal għanijiet edukattivi u għanijiet anċillari. Il-proprjetà f'Marsaxlokk għandha daqs ta’ 12,700 m2, waqt li dik li fuqha hemm mibni l-Junior College għandha daqs ta’ 4,400m2. Il-proprjetà f’Għawdex għandha kobor ta’ 2,500m2 waqt li l-Valletta Campus se jikkomprendi proprjetajiet anċillari għal dan il-kumpless edukattiv storiku.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, il-Ministru għall-Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg, is-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet u l-Kostruzzjoni Chris Agius, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji Clifton Grima u r-Rettur tal-Università l-Professur Alfred J. Vella żaru l-Campus tal-Belt Valletta u saħqu fuq l-importanza ta' dan it-trasferiment ta' proprjetajiet favur l-Università ta' Malta. Il-Campus tal-Belt Valletta kien il-campus oriġinali tal-Università ta’ Malta u kien inbena fi tmiem is-seklu sittax.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici saħaq li t-trasferiment ta’ dawn l-erba' siti u binjiet favur l-Università ta' Malta juri l-impenn b'saħħtu tal-Gvern favur it-tisħiħ tal-Università.  “Dan it-trasferiment se jkun wieħed mill-ikbar, jekk mhux l-ikbar, pass ’il quddiem favur edukazzjoni terzjarja aħjar għal uliedna u ulied uliedna. L-iktar nies li se jiggwadanjaw minn dan il-ftehim huma fl-aħħar mill-aħħar l-istudenti nfushom.”

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal: “L-iktar ħidma għal qalb dan il-Gvern hija l-ħidma soċjali, li tfisser li l-Gvern jinsab impenjat biex jara li l-poplu tiegħu jkollu livell tal-għajxien dejjem aħjar. Għalhekk, nirsistu biex naraw li r-riżorsi tagħna jkunu qed jintużaw għal dawn l-iskopijiet. L-Awtorità tal-Artijiet f’dawn l-aħħar xhur kompliet turi kemm verament tmiss il-ħajja tan-nies b’operat soċjali.”

Fost dawn, il-Ministru Borg semma l-iskema tat-trasferiment tal-qbiela għall-bdiewa, l-iskema tal-fidi taċ-ċnus u kirjiet temporanji għal proprjetajiet residenzjali tal-Uffiċċju Konġunt fejn diġà daħlu 880 applikazzjoni, u trasferiment ta’ artijiet għal akkomodazzjoni soċjali. Huwa qal li dawn is-60,000 metru kwadru u fuqhom li qed jgħaddu għand l-Università huma art pubblika li se tkun qed tgħin istituzzjoni importanti fil-formazzjoni taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Awtorità tal-Artijiet Chris Agius sostna li l-Gvern qed jagħmel l-akbar investiment dirett u kapitali fl-Università ta’ Malta li qatt sar f’pajjiżna, biex tissaħħaħ il-bażi tal-assi tal-Università b’mod pożittiv kif ukoll fuq il-kapaċitajiet finanzjarji awtonomi tagħha. Is-Segretarju Parlamentari Agius stqarr li din hija okkazzjoni storika għall-Università li qed tingħata titolu, b’ċens perpetwu li minnha ilha topera għal diversi snin u l-Gvern għaraf dan u fehem li l-Università għanda bżonn aktar riżorsi sabiex twettaq il-funzjonijiet tagħha.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima, filwaqt li feraħ lir-rettur u l-amministrazzjoni tal-Università li se jkunu qed jagħmlu pass ’il quddiem fil-kwalità, saħaq li dan il-pass storiku se jkompli jikkonferma li bil-fatti rridu nagħtu r-riżorsi lill-Università sabiex tkompli tikber u tkompli tilgħab irwol importanti fl-iżvilupp ta’ pajjiżna.

“Il-fatt li qed nagħtu dawn ir-riżorsi, li huwa l-ikbar investiment li l-Gvern qatt għamel fl-Università, jikkonferma li bil-fatti nemmnu li l-Università għandha rwol importanissimu għall-iżvilupp ta’ pajjiżna,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Grima.

Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella, saħaq li din hija ġurnata storika u rringrazzja lill-Gvern ta’ dan il-ġest li bih proprjetajiet importanti se jgħaddu f’idejn l-Università ta’ Malta b’mod uffiċjali bis-saħħa ta’ riżoluzzjoni Parlamentari.

Waqt iż-żjara, il-membri tal-Kabinett ġew murija l-Campus tal-Belt Valletta li fl-aħħar snin gawda minn numru ta’ xogħlijiet ta' restawr u titjib ieħor.




  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo