• Team Owen Bonnici

Il-Ħajt tal-Matla fl-Imqabba jitlesta mir-restawr



Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura  u Gvern Lokali Owen Bonnici żar ix-xogħlijiet kompluti fuq il-Ħajt tal-Matla fl-Imqabba. Ix-xogħol sar mid-Direttorat tar-Restawr.


“Permezz tal-Iskema ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali, l-kunsilli jingħataw l-opportunità li jipproponu huma l-postijiet li jixtiequ jiġu restawrati, speċjalment minħabba li dawn is-siti jservu ta’ aspett intrinsiku tal-wirt lokali tagħna li jagħmel parti mill-identità tagħna, filwaqt li niżguraw li dawn ikunu aċċessibbli għall-komunità, kif ukoll għal dawk li jżuruna,” qal il-Ministru Bonnici waqt iż-żjara fuq il-post.


Il-Ħajt tal-Matla huwa passaġġ tal-ġebel elevat li jmur lura għaż-żmien medjevali, u jgħaqqad il-Parroċċa l-ntika tal-Imqabba (il-Knisja ta’ San Bażilju) sar-raħal estint ta’ Ħal Millieri. Dan il-passaġġ huwa fuq ħajt tal-ġebel li hu oħxon madwar 1.35 metru.


Il-ħajt inbena b’ġebel differenti mingħajr tikħil u qiegħed f’għelieqi li huma suxxettibli għall-għargħar fi żminijiet tax-xitwa. Il-ġebla kienet f’kundizzjoni ġusta, b’lega ta’ ħmieġ bioloġiku fil-qiegħ sa fejn il-livell tal-ilma jogħla fi drabi ta’ għargħar. Kien hemm ukoll xi danni minuri u deterjorazzjonijiet li kellhom bżonn l-attenzjoni biex jiġi żgurat li dawn ma jiġux għall-agħar maż-żmien. Parti mir-restawr kien jinkludi t-tiswija tal-ħajt, fosthom it-tneħħija ta’ pjanti u t-tqegħid mill-ġdid ta’ ġebel nieqes.


Ix-xogħlijiet kienu jinkludu tfarfir, brix bi xfafar u tindif mill-ħmieġ bijoloġiku, konsoldiazzjoni strutturali, tqabbil u bdil ta’ elementi tal-ġebel neqsin mill-Ħajt Tal-Matla oriġinali (il-ħajt li jżomm il-passaġġ), u l-bini mill-ġdid tal-lakuni tal-ħajt il-baxx fuq il-parti ta’ fuq tal-passaġġ.


Dan il-proġett tlesta fi żmien 3 xhur, u kien possibbli grazzi għall-Iskema ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali, skema li tinħareġ mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura  uGvern Lokali, permezz tal-uffiċċju tad-Direttorat tar-Restawr, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Gvern Lokali.



  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo