top of page
Open Site Navigation

Iktar xogħol, b’ekonomija dejjem tikber u miexja ‘l quddiem

Owen Bonnici huwa l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali



Ir-rata tal-qagħad f’pajjiżna matul ix-xahar li għadda kienet ta’ 2.9 fil-mija (2.9%). Dan hu l-aktar livell baxx li qatt ġie rreġistrat fl-istorja tan-nazzjon tagħna. Dan iffiser li l-qagħad f’pajjiżna reġa’ niżel u dan għal 925 persuna.


Ikkonfermaw dan ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, hekk kif juru li meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena li għaddiet, il-persuni jirreġistraw f’pajjiżna naqsu b’617.

Fil-fatt, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika osserva kif il-qgħad naqas f’kull faxxa tal-età u anke fost l-irġiel u n-nisa. L-irġiel ammontaw għal 71.8% tal-persuni li rreġistraw għax-xogħol f’dan il-perjodu filwaqt li n-nisa ammontaw għal 28.2%.


Madankollu, l-akbar tnaqqis ġie rreġistrat f’dawk il-persuni li ilhom jirreġistraw għal aktar minn sena. Hawn it-tnaqqis kien ta’ 303 persuni.


Intant f’Lulju tal-2022, in-numru ta’ persuni b’diżabilità li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol naqsu bi 33 meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2021. Minn dawn 77.3% li rreġistraw tul dan il-perjodu kienu rġiel u 22.7% kienu nisa.


Hemm iktar aħbarijiet tajba. It-tkabbir ekonomiku ta’ Malta huwa l-ogħla fl-Unjoni Ewropea b’żieda ta’ 9 fil-mija (9%) fit-tieni kwart, li jagħmilha aktar mid-doppju tar-rata medja.


Skont stimi preliminari tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, il-Prodott Domestiku Gross (GDP) għat-tieni kwart tal-2022, kien ta’ €4,100.4 miljun, li jirrappreżenta żieda ta’ €526.6 miljun, jew 14.7 fil-mija (14.7%), meta mqabbel ma’ l-istess kwart tas-sena 2021.


Bil-Prodott Domestiku Gross (GDP) qed jara żieda ta’ 8.9 fil-mija (8.9%) f’termini ta’ volum.


Meta naraw il-GPD jogħla, dan iffisser l-ekonomija hija soda, u n-nazzjon miexi 'l quddiem. Il-GDP ikejjel il-valur monetarju tal-prodotti u s-servizzi finali. Żieda fil-GDP hija interpretata bħala sinjal li l-ekonomija sejra tajjeb. Meta l-GDP jirnexxi, l-impjiegi jiżdiedu hekk kif il-kumpaniji jimpjegaw aktar ħaddiema u n-nies ikollhom aktar flus fil-but.


F’dan ir-rigward, il-President tal-Eurogroup, Paschal Donohoe, faħħar ukoll il-viżjoni li Malta ressqet fil-Pjan ta’ Rkupru.


Dawn ir-riżultati huma importanti għaliex bihom inkunu nistgħu bħala Gvern inkomplu ninvestu biex ngħinu lill-familji u negozji Maltin u Għawdxin. Waqt li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern il-pressjonijiet kien jitfagħhom direttament fuq in-nies, aħna għandna prijoritàjiet ċari li nkomplu ngħinu lin-nies u għalhekk inżidu l-investiment fin-nies u mhux inaqqsuh.


L-aħħar tbassir tal-Kummissjoni Ewropea għas-Sajf - rapport finanzjarju indipendenti u internazzjonali li hu magħruf li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd - ibassar li r-rata tal-qgħad se tkompli tonqos fiż-żmien li ġej.


Minkejja l-problemi globali enormi, bħall-pandemija globali tal-Covid-19, il-kriżi globali taż-żejt, u l-gwerra fl-Ukrajna, ir-rata tal-qgħad f’pajjiżna għadha tonqos u l-ekonomija ta’ pajjiżna qed tikber.


Dan kollu ma jsirx b’kumbinazzjoni imma hu l-frott tal-ħidma għaqlija tal-Prim Ministru Robert Abela. Qed naraw b’mod ċar li l-politika tax-xogħol tal-Gven ta’ Robert Abela qed issarraf fi frott. Irridu nibqgħu nsostnu l-livelli rekord li lħaqna fl-aħħar snin u Malta tibqa’ mal-aqwa ħames Stati Membri bl-anqas rati ta’ qgħad.


Dan iħeġġiġna sabiex inkomplu naħdmu bħala Gvern li jaġixxi b’mod responsabbli u sostenibbli lejn il-familji Maltin u Għawdxin.


M’għandi ebda dubju li s-settur kulturali u artistiku, li matul dan is-Sajf għaddej b’enerġija enormi, ikkontribwixxa ħafna biex ksibna iktar riżultati tajbin ta’ tkabbir ekonomiku.

L-attività matul ix-xhur tas-sajf litterament ma kienet taqta’ xejn, b’avveniment wara l-ieħor li attira ħafna familji biex igawdu minn dak li għandu x’joffri l-kalendarju kulturali. Jekk naraw il-festi Maltin, rajna festi b’saħħithom u kbar daqs jekk mhux iktar minn dawk li kellna qabel tfaċċat il-COVID-19.


Jekk naraw l-avvenimenti li tellgħu l-entitajiet kulturali tal-Gvern, rajna festivals sbieħ ta’ kull ġeneru, minn opra sa jazz sa danza sa għana. Ħafna minnhom kienu suċċess b’ħafna nies jieħdu gost u jgawdu mal-familji tagħhom.


L-impatt li dan kollu għandu fuq l-ekonomija hu bla dubju kbir ħafna biex ma nsemmux il-ġid kulturali u kommunitarju tremend li joħroġ minn dan kollu.


Il-piroteknika hi aspett kruċjali mill-festi Maltin. U hawnhekk il-Maltin huma fost l-aqwa bi prodott uniku li għadu tradizzjonali fil-mod kif isir imma li fih ħafna innovazzjoni fil-mod kif jiġi preżentat.


Dan is-sajf dort ħafna shows tan-nar u tibqa’ b’ħalqek miftuħ tara l-ħila kbira tal-pirotekniċi Maltin. Aħna dejjem konna ta’ spalla għalihom: biżżejjed insemmu l-għajnuna ta’ €5,000 li kull sena nagħtu lill-kmamar tan-nar kollha li jaħdmu fuq bażi volontarja biex isaħħu l-miżuri ta’ ħarsien.


Minbarra dan din is-sena varajna pakkett ta’ għajnuna ta’ nofs miljun Ewro biex jitqassam mal-festi kollha li komponent minnhom hu ddedikat għall-qasam tal-piroteknika. L-idea kienet li ngħinu lill-festi b’mod straordinarju għal din is-sena peress li fix-xhur li għaddew ma setax isir ġbir minħabba l-COVID.


Biss l-għajnuna li nagħtu mhijiex marbuta biss ma finanzi imma nagħtu sostenn ieħor li jagħmel ħafna ġid. Nieħdu l-każ tal-ħruq tax-show tan-nar tal-Birgu u l-Isla fil-festi rispettivi: ħdimna biex bl-għajnuna tas-settur privat u Transport Malta nipprovdu braken li jkunu jistgħu jintużaw għax-show tan-nar li jsir minn ġol-Port straordinarju tagħna.


Jien kburi ħafna bit-talent tal-pirotekniċi tagħna li llum tista’ tgħid naf b’mod personali l-maġġoranza tagħhom.


Kommessi li nibqgħu nkunu ta’ sostenn u għajnuna f’dan is-settur tant sabiħ!


Ir-restawr u ż-żamma tal-wirt storiku ta’ pajjiżna hu prijorità. Malta hija mimlija wirt storiku li għandna obbligu li nieħdu ħsiebu u nipproteġuh.


Meta jsiru xogħolijiet mis-settur privat jew entitajiet pubbliċi, is-Sovraintendent tal-Patrimonju Kulturali ġieli jordna li f’dak is-sit ikun hemm monitor biex jassigura l-ħarsien tal-patrimonju storiku li jkun maħsub li hemm f’dak is-sit jew ġieli jiġu imposti kondizzjonijiet biex wieħed jipproteġi xi aspett storiku.


F’ waħda mix-xogħlijiet li kienu qed isiru fuq toroq fir-Rabat, instab sarkofagu Feniċju l-ġmiel tiegħu. Mas-sarkofagu instabu oġġetti oħra, bħal fuħħar, ċpiepet u ċrieket li kollha għandhom ‘il fuq minn 2,300.


Dawn l-oġġetti issa huma għall-wiri bla ħlas fil-Mużew tal-Arkeoloġija u verament hija esperjenza sabiħa li tara dawn l-oġġetti tant sbieħ u antiki. Personalment affaxxinawni ċ-ċrieket li nstabu li tista’ tgħid huma sbieħ u magħmulin b’sengħa daqs dawk li tara llum. Affarijiet tal-meravilja.


Nirringrazzja minn qalbi lit-tim ta’ Heritage Malta, is-Sovraintendenza tal-Patrimonju Kulturali u l-Universita’ ta’ Malta li ħadmu flimkien ponn wieħed biex din is-sejba tal-perjodu Feniċju f’Malta tkun tista’ tiġi interpretata u kkonservata bl-aqwa mod.






0 views
bottom of page