• Team Owen Bonnici

Iktar minn €612,000 f’għajnuna lill-kunsilli lokali għal servizzi ta’ tindif fil-lokalitajiet

Updated: May 24, 2019



Id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni, apparti li tagħmel xogħlijiet ta’ rutina, ta’ kuljum tagħmel diversi xogħlijiet oħra relatati, fosthom l-upkeep tal-lokalitajiet. Kull staġun ikun hemm bżonn ta’ intervent biex jitneħħa l-ħaxix ħażin li jikber mas-swar. Isir ukoll tindif taż-żoni kollha tal-madwar.


Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici rringrazzja lill-ħaddiema fi ħdan id-Divizjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni għax-xogħol siewi li jagħmlu għal dan l-għan u stqarr li permezz tax-xogħol tagħhom, qegħdin inkomplu nippromwovu aktar l-għarfien u l-bżonn ta’ postijiet aktar nodfa u siguri. “Il-kollaborazzjoni hija parti intrinsika meta niġu biex nipprovdu servizz effiċjenti u aħjar, u fil-fatt id-Diviżjoni għamlet xogħlijiet relatati mal-kunsilli lokali li jammontaw għal € 1,449,000 fl-2018. Bħala gvern aħna mpenjati biex inkomplu ntejbu l-livell ta’ għixien tal-komunitajiet tagħna, biex nipprovdu spazji aktar siguri u nodfa, għall-benefiċċju ta’ kulħadd”, qal il-Ministru Bonnici.


Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista spjega kif min-naħa tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni, tingħata assistenza lil diversi kunsilli lokali kemm f’talbiet li jagħmlu huma, għaliex jista’ jkun ma jkollhomx kuntratturi biex iwettqu ċertu xogħlijiet, kif ukoll għal xi nuqqasijiet jew każijiet ta’ emerġenza li jiltaqgħu magħhom. “Matul l-2018, id-diviżjoni wettqet xogħlijiet għal kunsilli lokali li jġibu valur ta’ €1,449,000. Fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena din il-figura diġaà telgħet għal €612,875”, ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari Debattista.


Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis qal li dan il-gvern jemmen bis-serjetà fl-indafa u fl-ambjent. Huwa għalhekk li bis-saħħa tar-Riforma fil-Gvern Lokali se jitniedu aktar inizjattivi edukattivi u azzjonijiet biex jitnaddaf l-ambjent. Barra minn hekk il-ġbir tal-iskart se jingħata wkoll aktar prijorità. Dan se jsir billi jkun hemm tħaddim effettiv ta’ contract management, jogħlew l-istandards, u se jkun hemm koordinazzjoni fuq is-sejħa għall-kuntratt tal-ġbir tal-iskart fuq bażi reġjonali. Barra minn hekk, bil-liġi se jibda jkun hemm kunsillier f’kull kunsill lokali responsabbli għall-indafa u għall-ambjent. Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis fakkar ukoll li l-infurzar lokali qed jimraħ ukoll fil-qasam ambjentali.

Il-gvern kommess li jkompli jagħti dan it-tip ta’ servizz, biex iċ-ċittadini kollha jgawdu minn indafa u manutenzjoni tal-ogħla livell f’kull rokna ta’ pajjiżna.



  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo