top of page

Iffirmat ftehim għall-immaniġġjar tal-Arkivju tar-Reġistri Notarili





L-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta u l-Fondazzjoni għall-Arkivji Notarili ffirmaw ftehim dwar l-immaniġġjar tal-Arkivju tar-Reġistri Notarili.


Waqt li kien qed jippresjedi l-iffirmar tal-ftehim, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici tenna li ż-żewġ entitajiet jaqsmu l-istess għan - dak li jħarsu l-arkivji ta’ pajjiżna u li dawn ikunu aċċessibbli. “Kuntent li nara lill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta qiegħed jidħol fi sħubija mal-Fondazzjoni għall-Arkivji Notarili biex tkun imħarsa l-memorja ta’ pajjiżna,” stqarr il-Ministru Bonnici.


Permezz ta’ dan il-ftehim il-Fondazzjoni għall-Arkivji Notarili se tkun qed tmexxi l-Arkivju tar-Reġistri Notarili, waqt li dan se jibqa’ parti integrali mill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta. Dan l-arkivju se jkun ibbażat f’bini li għadu kif kien rinnovat b’għajnuna ta’ Fondi Ewropej.


“Dan l-arkivju huwa ħolqa fil-katina tal-Arkivji Nazzjonali sabiex ikomplu jwettqu l-missjoni tagħhom bħala l-gwardjani tal-memorja kollettiva. Kien għalhekk li sentejn ilu l-Gvern għadda liġi biex dan l-arkivju isir parti integrali mill-Arkivji Nazzjonali,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.


Min-naħa tagħha, Dr Joan Abela, President tal-Fondazzjoni għall-Arkivji Notarili, spjegat il-ħidma li wettqet il-fondazzjoni matul dan l-aħħar snin biex dan l-arkivju jkun imħares, magħruf u apprezzat u biex jieħu ħajja ġdida. “Issa nħarsu ’l quddiem biex flimkien mal-Arkivji Nazzjonali nagħtu l-pass li jmiss fil-ħidma tagħna," qalet Dr Abela.


L-Arkivista Nazzjonali Dr Charles Farrugia rringrazzja lill-Fondazzjoni għall-Arkivji Notarili għax-xogħol importanti li wettqet. Huwa irringrazzja wkoll lin-Nutar tal-Gvern Dr Keith German li mexxa l-proġett ta’ riabilitazzjoni tal-bini ta’ dan l-arkivju. “Ninsab ċert li s-sħubija bejn il-Fondazzjoni u l-Arkivji Nazzjonali se twassal biex dan l-arkivju ikun imħares, magħruf u valoriżżat kif jixraq,” tenna Dr Farrugia.






bottom of page