Open Site Navigation

Iffirmat ftehim għall-provvista ta' Servizzi għal persuni LGBTIQ u l-familji tagħhom



Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għad-Drittijiet tal-Bniedem, nhar l-10 ta’ Diċembru, il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici flimkien mal-Ministru għas-Solidarjeta’ u l-Gustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon attendew għal ftehim bejn il-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali.

Dan il-ftehim mistenni jara tnedija ta’ servizz ġdid, li ser ikun qiegħed jingħata permezz ta’ kollaborazzjoni bejn dawn iż-żewġ partijiet li se jiżgura li persuni LGBTIQ ikunu jistgħu jaċċessaw l-appoġġ necessarju meta jkun meħtieġ u li jkun jista’ jsir outreach biex jiġu identifikati u milqugħa l-bżonnijiet ta dawk il-gruppi l-aktar vulnerabbli fi ħdan il-komunità LGBTIQ. Is-servizz il-ġdid, għall-bidu, se jkun ibbażat fl-uffiċini tad-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem f’Raħal Ġdid.

Il-Ministru Bonnici qal li waħda mill-miżuri tal-baġit imħabbra għall-2021 kienet it-twaqqif ta’ Ċentru għall-komunità LGBTIQ bil-għan li jiġbor taħt saqaf wieħed numru ta’ servizzi u faċilitajiet immirati lejn il-komunità LGBTIQ.

“Filwaqt li l-proċess ta’ identifikazzjoni ta’ post addattat jinsab għaddej” tenna l-Ministru Bonnici, “il-Gvern illum qed jimpenja ruħu li jipprovdi servizzi immedjati mmirati lejn il-komunità LGBTIQ u l-familji tagħhom. Dan huwa pass ieħor li juri l-impenn tal-Gvern favur Ugwaljanza sħiħa għal kull min jgħix f’pajjiżna.”

Minn naħa tiegħu, il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ fid-drittijiet ta’ kulħadd, mingħajr preġudizzju anke fejn tidħol orjentazzjoni sesswali differenti.


‘‘Jien konvint li l-professjonisti se jkunu qed imexxu ‘l quddiem klima fejn persuni LBTIQ iħossuhom komdi fil-ħajja tagħhom, fuq il-postijiet tax-xogħol u fil-ħin ta’ rilassament. Irridu nwasslu messaġġ li kull persuna fis-soċjeta’ għandha tgawdi minn servizzi ugawli li ma jħarsu qatt lejn il-ġeneru jew il-ġibdiet tal-persuna’’, stqarr il-Ministru Michael Falzon.

It-taqsima l-ġdida se tikkumplimenta l-ħidma li bħalissa qed titwettaq mit-Taqsima ta’ Orjentazzjoni Sesswali, Identità tal-Ġeneru, Espressjoni tal-Ġeneru u Karatteristiċi tas-Sess (SOGIGESC) imwaqqfa fl-2018 fi ħdan id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem biex tiffaċilità u timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Istrateġija u Pjan ta’ Azzjoni ghall-Ugwaljanza tal-persuni LGBTIQ 2018-2022.





2 views