top of page

Iffirmat ftehim għall-protezzjoni u żamma aħjar tal-Fosos tal-Floriana

Updated: Jul 4


 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi ppresedew għall-iffirmar ta’ ftehim li għandu l-għan li jsaħħaħ il-protezzjoni u ż-żamma tal-Fosos tal-Floriana. Dan il-ftehim ġie ffirmat bejn id-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni,  l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali tal-Floriana.

 

Il-Ministru Owen Bonnici spjega kif il-Fosos ikopru medda ta’ kważi għaxart elef metru kwadru, u għalhekk minn dejjem servew ukoll biex jilqgħu avvenimenti tal-massa. “Filwaqt li aħna bħala Gvern nieħdu gost naraw li jittellgħu attivitajiet li jattiraw il-folol, speċjalment meta jkunu ta’ natura artistika, fl-istess waqt aħna konxji fuq il-bżonn li tiġi evitata l-possibbiltà ta’ ħsara lill-istess Fosos. Għaldaqstant, anke wara laqgħat li saru mal-Kunsill Lokali tal-Floriana, ġie rikonoxxut il-bżonn ta’ salvagwardja imtejba għal dan is-sit storiku,” qal il-Ministru Owen Bonnici.

 

Huwa kompla li dan il-ftehim  se jiżgura li, filwaqt li l-ispazju jibqa’ jintuża bħal ma dejjem intuża, jittieħdu s-salvagwardji meħtieġa biex jiġu evitati ħsarat. Huwa spjega li se jsir eżerċizzju mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni għal ġbir ta’ informazzjoni fuq il-kundizzjoni preżenti tal-Fosos. Din l-informazzjoni se sservi ta’ bażi għall-ispezzjonijiet li se jkunu qed isiru qabel u wara kull avveniment li jiġi ppjanat fuq il-Fosos. Huwa faħħar lill-partijiet ta’ dan il-ftehim tal-koperazzjoni murija.

 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif dan il-ftehim se jsarraf f'kollaborazzjoni bejn l-Awtorità tal-Artijiet, il-Kunsill Lokali tal-Floriana u d-Direttorat tar-Restawr biex din il-pjazza bi storja tant twila tkun imħarsa b'mod aħjar. “Dan il-ftehim se jkompli jsaħħaħ proċessi ġa użati sabiex ikun hemm ħarsien aqwa ta’ dan l-ispazju tal-Gvern meta jintuża għall-avvenimenti pubbliċi,” qal l-Ministru Zrinzo Azzopardi.

 

“Dan huwa xiedha tat-tisħiħ ta' kollaborazzjoni eqreb bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali. Inħares 'l quddiem biex infasslu kollaborazzjonijiet simili għaż-żamma aħjar ta' wesgħat pubbliċi fejn jsiru avvenimenti tal-massa u spettakli,” temm jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi

 

Il-Fosos fil-Furjana, magħrufa wkoll bħala Pjazza San Publiju, huma sinonimi ma’ ħafna ġrajjiet li nisġu partijiet importanti tal-istorja mhux biss Furjaniża imma ta’ Malta kollha. Mibnija mill-Kavallieri ta’ San Ġwann u użati għall-ħażna tal-qamħ, kienu fundamentali biex jipprovdu l-għajxien ta’ ġensna sat-Tieni Gwerra Dinjija. L-importanza storika tagħhom hi rikonoxxuta mill-fatt li huma skedati u għandhom l-ogħla grad ta’ protezzjoni li tipprovdi l-liġi.



 

 




Comments


bottom of page