Heritage Malta, fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, għadha kif daħlet għal proġett biex ittejjeb l-aġenzija u l-ambjent tax-xogħol tagħha lejn il-modernizzazzjoni tal-istruttura, sistemi, u proċessi tal-aġenzija.
Waqt żjara fil-Mużew tal-Arkeoloġija, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal: “B’dan il-mod, qegħdin insaħħu l-professjonalizzazzjoni fi ħdan is-settur kulturali li qiegħed kulma jmur dejjem jiżviluppa f’ġeneratur ekonomiku u soċjali. Dan l-investiment fil-ħaddiema tas-settur kulturali se jġib aktar benefiċċji għas-soċjetà tagħna u aħna se nkomplu naħdmu biex niżguraw settur aktar aċċessibbli. Bl-istrateġija tagħha l-aġenzija qiegħda tikkultiva s-settur kulturali, dan jidher biċ-ċar speċjalment meta naraw l-iskemi ta’ suċċess tagħha, fosthom il-Passaport ta’ Heritage Malta u l-open days”.
L-ewwel pass li qiegħed jittieħed biex l-aġenzija timxi lejn dan l-għan huwa li ttejjeb is-salarji tal-ħaddiema, speċjalment minħabba li dawn ġew mifthiema u stabbiliti fl-2010. Minn dak iż-żmien ’l hawn inbidlu ħafna fatturi fosthom il-forzi tas-suq, l-ambjenti interni u esterni, il-kompetizzjoni, u l-provvista/domanda tal-forza tax-xogħol innifisha.
Għalhekk, Heritage Malta u l-ħaddiema tagħha ffirmaw ftehim dwar struttura ta’ pagi ġdid mal-General Workers Union. L-Aġenzija u l-Union jirrikonoxxu li l-aħjar interessi tal-impjegati huma koperti f’dan il-ftehim u li dan jiġi eżegwit permezz tal-aħjar relazzjoni possibbli bejniethom.
Il-ftehim dwar struttura ta’ pagi ġdida ġie ffirmat minn Noel Zammit, l-Aġent Uffiċjal Kap Eżekuttiv f’isem Heritage Malta, u Kendrick Bondin, is-Segretarju tas-Sezzjoni tal-Gvern u l-Entitajiet Pubbliċi f’isem il-General Workers Union.
Dan il-ftehim ġie żviluppat fuq diskussjonijiet li saru bejn iż-żewġ partijiet u japprova l-istruttura tal-pagi ġdida li tirrifletti l-bidliet fi ħdan l-istruttura organizzazzjonali.
Noel Zammit tkellem dwar l-importanza li l-prattiċi tax-xogħol ikunu fuq l-istess livell tal-prattiċi attwali. “Huwa imperattiv li nibdew dan it-tip ta’ strutturar mill-ġdid billi nindirzzaw il-kundizzjonijiet u l-pagiet tax-xogħol tal-ħaddiema. Ma nistgħux nidħlu għal din l-inizjattiva fuq sieq ħażina. Kellna nindirizzaw il-bidliet fl-ambjent tax-xogħol billi l-ewwel nirranġaw il-pagi u npoġġu l-Aġenzija fuq l-istess livell mas-suq. Din iż-żieda kienet possibbli wkoll grazzi għall-prestazzjoni pożittiva tal-aġenzija matul dawn l-aħħar sentejn.”
Komentarze