top of page

Għalqa u struttura fi Triq il-Brolli, Birżebbuġa mgħoddija lis-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa 

  • Apr 20
  • 2 min read

 

Għalqa u struttura (defence post) aġjaċenti li bħalissa jinsabu taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet, ġew trasferiti lis-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa A.D. 1990 b’titolu ta’ kera għall-perjodu ta’ ħmistax-il sena. 

 

L-għan ewlieni ta’ dan il-proġett huwa li jingħataw iktar faċilitajiet konnessi mal-attività piroteknika li ssir propju fl-istess żona b’rabta mal-festa li tittella’ ta’ kull sena. Peress li f’din iż-żona diġà ssir attività piroteknika u ilha ssir għal diversi snin, bis-saħħa tal-għalqa li qed tiġi mikrija u li għandha daqs ta’ 350 metru kwadru se jkun hemm spazji mtejba għall-pirotekniċi fejn jinħaraq in-nar tal-ajru u għalhekk se tiżdied is-sigurtà għall-pirotekniċi nfushom.  

 

L-istruttura (defence post) aġjaċenti se tkun qed tiġi restawrata u mantnuta mill-istess soċjetà u se jkun projbit li jinżamm materjal pirotekniku fiha.

 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, stqarr li dan il-proġett huwa konferma oħra tal-fiduċja li l-Gvern għandu fil-festi Maltin. “Huwa impenn ċar tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ u jappoġġja lis-soċjetajiet sabiex iwettqu l-ħidma tagħhom favur il-kultura u l-festa Maltija li issa hija wkoll Wirt Intanġibbli Dinji tal-UNESCO. L-allokazzjoni ta’ dan l-ispazju ġdid hija prova konkreta ta’ dan l-impenn,” temm jgħid Dr Bonnici.

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, spjega li dan il-ftehim jirrifletti l-impenn kontinwu tal-Awtorità sabiex l-art pubblika tintuża b’mod sostenibbli u ta’ benefiċċju għall-komunità. Huwa żied li permezz ta’ dan il-proġett qed jingħata spazju aktar adegwat u sigur għall-attivitajiet pirotekniċi, filwaqt li fl-istess ħin qed jiġi żgurat li l-istrutturi eżistenti jiġu ppreservati u miżmuma kif xieraq.

 

Alex Caruana, il-President tas-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa A.D. 1990, qal: “Permezz ta’ dan it-trasferiment, is-soċjetà qed isserraħ moħħha li issa għandha spazju adegwat minn fejn jista’ jinħaraq in-nar tal-ajru. Dan se jsir b’mod iktar sigur, peress li se jkun hemm aktar spazju, u minn dan il-post in-nar ikun jista’ jidher mill-pjazza.” 

 

It-trasferiment ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, Alex Caruana bħala l-President tas-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa A.D. 1990 u l-kaxxier Walter Pace.

 
 
 

Comments


bottom of page