Ftehim kollettiv ġie ffirmat bejn il-General Workers’ Union u l-PBS li jaqa’ taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici kien preżenti għall-iffirmar tal-ftehim u enfasizza dwar l-importanza ta’ inizjattivi ta’ din is-sura. “Permezz ta’ dan il-ftehim, qegħdin niggarantixxu aktar stabbiltà għall-ħaddiema tal-PBS. Dan jissodisfa l-għan tal-istazzjon biex jirrikonoxxi r-riżorsi umani tiegħu biex iżid il-motivazzjoni u l-impenn tal-ħaddiema biex jintlaħqu l-miri tal-operat filwaqt li jassigura l-ogħla kwalità fis-servizzi tiegħu. Dan ukoll iwassal għal aktar sostenibbiltà kompetittiva u kummerċjali tal-istazzjon,” qal il-Ministru Bonnici.
Dan il-ftehim kollettiv ta’ 5 snin se jwassal għall-introduzzjoni ta’ 8 gradi ġodda li jirrikonoxxu l-kompetenzi meħtieġa minn kull funzjoni. Il-ħaddiema kollha se jibbenefikaw minn titjib fis-salarji bis-saħħa tal-istruttura l-ġdida kif ukoll żieda fl-inkrementi u żieda fil-massimu tal-ogħla salarju tal-grad li jokkupaw u li jiggarantixxi progressjoni. Ix-shift allowance żdiedet b’40% u ġiet irduppjata l-allowance għal kwalifiki rikonoxxuti biex jiżdiedu l-kompetenzi operazzjonali u tekniċi filwaqt li ġew aġġornati l-family friendly measures skont il-liġijiet preżenti.
Dan il-ftehim hu validu bejn l-2019 u l-2023 u hu mfassal fuq il-pjan u l-missjoni nazzjonali tal-PBS.
Comments