• Team Owen Bonnici

Fond ta’ €81,427.08 għaż-żamma u l-manutenzjoni ta’ proġetti infrastrutturali



Fil-baġit li għadda tħabbret miżura li permezz tagħha l-kunsilli lokali setgħu japplikaw għal fondi sabiex il-proġetti infrastrutturali maġġuri mwettqa mill-gvern ċentrali jkunu jistgħu jinżammu fi stat tajjeb u jagħmlu l-manutenzjoni meħtieġa tal-proġett imsemmi.

Dawk il-kunsilli lokali li bbenefikaw minn xi proġett mis-sena 2017 ’il quddiem setgħu japplikaw għal dan il-fond. B’kollox kienu eliġibbli erba’ kunsilli lokali; dawk tal-Imdina, tas-Siġġiewi, ta’ Raħal Ġdid u ta’ San Lawrenz. Il-fond totali allokat huwa dak ta’ €81,427.08.


“Huwa grazzi għal dawn it-tip ta’ inizjattivi li aħna nistgħu ninvestu fil-lokalitajiet tagħna, u permezz tagħhom qegħdin nagħtu lill-kunsilli lokali tagħna l-għodod apposta biex ikomplu jsaħħu u jtejbu l-lokalitajiet tagħna, għal benefiċċju tal-komunità,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici. “Bħala parti mill-istrateġija tagħna, aħna dejjem naħdmu biex nipprovdu l-aħjar kwalità ta’ ħajja għaċ-ċittadini tagħna, u dan huwa possibbli grazzi għar-realizzazzjoni ta’ proġetti ta’ din is-sura. Dan huwa eżempju ieħor tas-sinerġija li tinsab bejn il-gvern lokali u l-gvern ċentrali,” kompla jgħid Bonnici.


Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis tenna li dan huwa eżempju ieħor ta’ għaqda bejn il-gvern ċentrali u l-gvern lokali. Il-gvern preżenti jemmen b’mod sħiħ fil-gvern lokali u l-assistenza li qed tingħatalhom flimkien mar-riforma li qed issir fi ħdan il-gvern lokali huma xhieda ta’ dan. Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis fakkar li fil-baġit li għadda l-fond globali għall-gvern lokali kien dak ta’ €53 miljun, il-kunsilli reġjonali ngħataw għall-ewwel darba fond ta’ €3.15 miljun, qed isir investiment ta’ €700 miljun biex jerġgħu jsiru t-toroq kollha ta’ pajjiżna u hemm ukoll id-development planning fund li għandu disponibbli għall-kunsilli lokali €28 miljun biex jintużaw għal ġid tal-lokalitajiet tagħna.



 t: 2180 2000   m: 9946 5436