Open Site Navigation

F'Jum il-Mara niċċelebraw il-kisbiet li għamlu n-nisa matul is-snin

F'Jum il-Mara niċċelebraw il-kisbiet li għamlu n-nisa matul is-snin, iżda aktar minn hekk biex nirrikonoxxu fejn għad baqa’ fejn naħdmu iktar.


Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara, id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan il-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni tella’ business breakfast fejn ġew diskussi diversi temi li jolqtu n-nisa tal-llum f’pajjiżna, bis-sehem ta’ diversi stakeholders.

Fost it-temi li ġew diskussi kien hemm ix-xogħol u l-emanċipazzjoni tal-mara, in-nisa involuti fl-oqsma tax-xjenzi, t-teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika (STEM) u l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru.

Fid-diskors tiegħu għall-okkażjoni, il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici saħaq li dan il-jum għadnu jservi biex mhux biss niċċelebraw il-kisbiet li għamlu n-nisa matul is-snin, iżda aktar minn hekk biex nirrikonoxxu fejn għad baqa’ n-nuqqasijiet u fejn għad irridu naħdmu iktar.

Fost affarijiet oħra l-Ministru Owen Bonnici semma l-miżuri tant importanti li ħa l-Gvern f’dawn l-aħħar snin, sabiex jixpruna lin-nisa li jixtiequ jaħdmu. “Permezz ta’ dawn il-miżuri,” qal l-Onorevoli Bonnici, “rajna żieda sostanzjali fin-nisa li daħlu fid-dinja tax-xogħol. Miżuri bħal ma huma ċ-childcare b’xejn u klabb 3-16 kienu indispensabbli għal ħafna nisa f’pajjiżna sabiex jiksbu indipendenza finanzjarja li imbagħad tiftħilhom il-bibien għal kwalita’ ta’ ħajja aħjar għalihom u anke’ għal uliedhom.”

Il-Ministru faħħar ukoll is-sehem tan-nisa fl-oqsma STEM, li dejjem qed jiżdied u sostna li l-Gvern se jibqa’ kommess li jkompli jżid l-opportunitajiet f’dawn l-oqsma tant importanti għal pajjiżna. “Darba wara l-oħra l-istorja wriet li n-nisa taw kontribut sostanzjali f’dawn l-oqsma u allura aħna determinati li ma nħallu l-ebda sterjotipi jżommu lura lil persuna jew oħra milli twettaq il-potenzjal kollu tagħha,” qal il-Ministru Bonnici.

Il-Ministru temm id-diskors tiegħu billi semma’ x-xogħol siewi li qed isir biex jitqajjem dejjem iżjed għarfien dwar il-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u saħaq li din ma baqalha l-ebda lok f’pajjiżna. Huwa semma wkoll l-emendi li ġew proposti fil-liġi rigward il-femiċidju u spjega kif dawn għandhom iservu wkoll biex ikomplu jgħinu jġibu bidla fil-mentalitajiet patrijarkali antikwati li għad baqa’ f’pajjiżna.

Huwa sellem ukoll il-memorja ta’ Rita Ellul, u fakkar li ma jiswa xejn li jkollna Jum il-Mara, jekk jibqa’ jkollna dawn it-tip ta’ traġedji li jkomplu jivvittimizzaw in-nisa għax huma nisa.



8 views