top of page

Emendi importanti għall-Kodiċi Kriminali biex in-nisa f’pajjiżna jkunu iktar protetti



Malta se tkun waħda mill-ewwel Stati fl-Ewropa li se ddaħħal il-kunċett ta’ femiċidju fil-liġijiet tagħha

L-istupru u l-qtil li seħħ fl-ewwel jiem ta’ din is-sena fi ġnien l-Indipendenza, tas-Sliema seraq mhux biss il-ħajja ta’ Paulina Dembska, tfajla Pollakka li kienet tħobb lil Malta, iżda wkoll is-serenita’ ta’ ħafna persuni – irrispettivament mill-ġeneru tagħhom – li jemmnu li ebda mara ma għandha titlef ħajjitha u tiġi trattata b’dak il-mod għaliex hija mara.

Ir-rapport pubblikat jumejn wara mill-Universita ta’ Malta u mill-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa intitolat “Country report on femicide: research and data” ikkonkludiet li s-soċjeta’ Maltija għadha patriarkali u bażata fuq stereotipi tal-ġeneru.

Mhux għaliex kellna l-ħtieġa ta’ wisq rapporti biex inkunu nafu dak li diġa nafu!

Tkellimna mal-Ministru għall-Ugwaljanza, Riċerka u Innovazzjoni Dr Owen Bonnici dwar il-pakkett ta’ emendi li, flimkien mal-Ministru għall-Gustizzja u Governanza Dr Edward Zammit Lewis, nieda iktar kmieni din il-ġimgħa.

Mentalitajiet


“Iva, bla dubju ta’ xejn,” qalilna l-Ministru Bonnici, “f’Malta għad għandna ħafna mentalitajiet li żmienhom għadda u ilu li għadda fejn tidħol post il-mara fis-soċjeta’ tagħna.”

Huwa qal li bħala Ministru, leġiżlatur u iktar importanti minn hekk missier ta’ tifla huwa jemmen li dawn il-mentalitajiet patrijarkali u miżoġeni għandhom jispiċċaw minn fuq wiċċ artna darba għal dejjem.

Saħaq li rridu nkomplu naħdmu biex nirbħu l-qlub u l-imħuħ tan-nies f’dan ir-rigward. Huwa qal li l-Gvern Laburista wettaq ħafna riformi biex itejjeb il-qagħda tal-mara fis-soċjeta’ tagħna. “Biżżejjed insemmu x-xogħol li sar biex Malta implimentat il-Konvenzjoni ta’ Istabul fl-2018,” qal Dr Bonnici. “Biss jibqa’ l-fatt li fadal x’isir u dak li wettaqna din il-ġimgħa hu pass importanti ‘l quddiem.”

Huwa qal li tajjeb nispjegaw li femiċidju hu l-qtil ta’ mara jew ta’ tifla minn raġel li jkun motivat mill-ġeneru. “Pereżempju qtil fil-kuntest ta’ vjolenza domestika, qtil għall-’unur’ tal-qattiel jew tal-familja, qtil abbazi ta’ sentimenti miżoġini, qtil minħabba orjentazzjoni sesswali, qtil fil-kuntest ta’ sfruttament sesswali jew qtil fil-kuntest ta’ prattiċi reliġjużi jew ta’ kult. Dawn huma kollha eżempji ta’ femiċidju,” qal Dr Bonnici.

Il-Femiċidju


Il-Ministru Bonnici sostna li l-femiċidju m’huwiex ġeneralment rikonoxxut bħala reat distint mill-omiċidju. Fl-ewropa, Cipru huwa l-uniku pajjiż fejn hemm abbozz ta’ ligi quddiem il-parliament għal dan il-għan u għalhekk Malta se jkun minn ta’ l-ewwel pajjiżi fl-Ewropa li se jwettaq din it-tip ta’ riforma.

“Internazzjonalment, iż-żieda fl-omiċidji imwettqa fil-kuntest domestiku – li iżjed aċċentwat ruħha matul il-pandemija- tat lok għal sejħiet f’ xi strutturi tal-Ġnus Magħquda biex il-femiċidju jkun rikonoxxut bħala reat distint,” qal Dr Bonnici.

“Xi żmien ilu wkoll, fi Frar 2013 Ngo bl-isem ta’ ‘academic council on the United Nations system’ li tgawdi status konsultattiv fil-UN kienet ippreżentat il-‘Vienna declaration on femicide’,” qal Dr Bonnici. Huwa sostna li r-reat m’huwiex sessist għax qed jirrispondi għar-realta li fiha jinqatlu ħafna iżjed nisa minn irġiel milli irġiel minn nisa.

Huwa qal li l-emendi li ġew ppubblikati din il-ġimgħa jipprovdi għal ċirkostanzi ‘femiċidjali’ ta’ qtil li jiggwidaw lill-Qorti biex tasal għal piena ħarxa wara li xi ħadd ikun għadu kemm instab ħati ta’ omiċidju.

Minbarra dan l-emendi jipprovdu wkoll illi omoċidju b’ karatteristiċi ta’ femiċidju ikun eskluż milli jikkwalifika bħala omiċidju skużabbli minħabba li jkun twettaq f’dik li tissejjaħ passjoni istantaneja, spjega l-Ministru.

“Ukoll l-abbozz ikopri minbarra dan it-tentattiv ta’ omiċidju li jkun sar f’ ċirkostanzi ta’ tentattiv ta’ “femiċidju”,” qal Dr Bonnici u spjega li dan kollu juri l-livell ta’ attenzjoni Ii ngħatat biex l-emendi jkunu tajbin, effikaċi u li jwasslu għal differenza fil-prattika.

Il-Ministru Bonnici qal li saret konsultazzjoni estensiva mal-awturi tal-Country Report li bdiet wara laqgħa tajba mmens li l-Prim Ministru Dr Robert Abela għamel mal-Women’s Rights Foundation. Huwa faħħar l-impenn tal-Prim Ministru Abela li wera biċ-ċar li mill-kliem ried jgħaddi għall-fatti.

Cirkostanzi


Staqsejna lill-Ministru Bonnici biex jitfa’ iktar dawl fuq waħda mill-emendi, u forsi importanti, li titkellem dwar ċirkostanzi li jimmilitaw favur piena iktar ħarxa.

Huwa qal li bis-saħħa ta’ din l-emenda, fl-għoti tas-sentenza lil persuna tal-ġeneru maskili misjuba ħatja tal-omiċidju volontarju jew tat-tentattiv ta’ omiċidju volontarju ta’ persuna tal-ġeneru femminili, il-Qorti għandha, meta tkun qegħda tistabbilixxi l-piena, tagħti konsiderazzjoni xierqa dwar jekk l-omiċidju jew it-tentattiv ta’ omiċidju:


(a) irriżultax minn vjolenza ta’ sieħeb intimu li miegħu il-vittma kienet jew għadha f’ relazzjoni jew li tiegħu il-vittma hija jew kienet il-konjuġi; jew

(b) kienx ir-riżultat ta’ vjolenza minn membru jew membri tal-familja; jew

(c) twettaqx għal għanijiet misoġini; jew

(d) twettaqx għal raġunijiet ta’ unur tal-eżekutur, jew tar-reputazzjoni tal-familja, jew għal raġunijiet relatati ma twemmin jew prattiċi reliġjużi jew ta’ kult; jew

(e) twettaqx minħabba raġunijiet bażati fuq il-ġeneru, l- identita tal-ġeneru, is-sess jew l-orjentazzjoni sesswali tal-vittma; jew

(f) twettaqx bħala riżultat ta’ vjolenza sesswali jew ta’ atti ta’ natura sesswali; jew

(g) twettaqx minħabba li l-vittma kienet involuta fil-prostituzzjoni, kienet soġġetta għal esplojtazzjoni sesswali jew kienet il-vittma ta’ traffikar ta’ persuni għal għanijiet ta’ sfruttament sesswali,

Dr Bonnici qal li meta tigi biex tikkalibra l-piena, l-Qorti issa se jkollha obbligu tqis l-eżistenza ta’ kull waħda miċ-ċirkostanzi kif għadni kif semmejt bħala fattur li jimmilita favur l-għoti ta’ piena iktar ħarxa.

Ukoll, qal Dr Bonnici, l-liġi se tipprovdi kif diġa ġie spjegat li fejn tidħol id-difiża tal-passjoni instantanja biex omiċidju jitqies skużabbli din issa m’hux se tapplika iktar fiċ-ċirkostanzi femiċidali.

Il-Ministru Bonnici temm jappella biex quddiem r-realta’ kerha tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru l-pajjiż kollu jingħaqad sabiex Malta verament tkun l-art tal-ugwaljanza sħiħa bejn in-nisa u l-irġiel u n-nisa jiġu protetti minn vjolenza psikoloġika jew anke fiżika abbażi tal-ġeneru kif ġieli sfortunatament rajna.

Huwa qal li apparti minn emendi legali, il-ħidma forsi iktar importanti fuq edukazzjoni u prevenzjoni mhux se tieqaf u sellem ix-xogħol li jitwettaq minn entitajiet bħall-Kummissjoni kontra l-Vjolenza abbażi tal-Generu u l-Vjolenza Domestika, l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni ta’ l-Ugwaljanza u d-Direttorat dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Dr Bonnici qal li n-nies li jaħdmu f’dawn l-oqsma u entitajiet huma kollha nies dedikati li jemmnu bi ħġarhom f’Malta aħjar fejn l-ugwaljanza tkun xi ħaġa iktar reali milli hi llum. Huwa saħaq li sar ħafna xogħol, bħal fil-qasam tal-opportunitajiet tal-impiegi, u kburi mmens bit-track record tal-Gvern Laburista.

“Dan għandu jservi ta’ xprun biex inkomplu nwettqu u naħdmu u nbiddlu iktar u iktar għall-aħjar,” sostna Dr Bonnici.

Huwa temm jirringrazzja lill-Prim Ministru Robert Abela, lil martu Dr Lydia Abela u lill-kollega Ministru Edward Zammit Lewis tal-koperazzjoni sħiħa li teżisti f’dan is-settur.






Comments


bottom of page