• Team Owen Bonnici

Dawk kollha eletti fl-elezzjoni tal-kunsilli lokali ħadu l-ġurament tal-ħatra tagħhom bħala kunsilli


Fil-25 ta’ Mejju saret l-elezzjoni għall-Kunsilli Lokali kollha f’Malta u Għawdex. Din kienet l-ewwel darba fis-26 sena li ilhom imwaqqfin il-Kunsilli Lokali li din l-elezzjoni saret għall-Kunsilli Lokali kollha f’daqqa. Ilbieraħ, l-464 persuni eletti f’din l-elezzjoni, 343 minnhom irġiel u 121 minnhom nisa, ħadu l-ġurament tagħhom bħala kunsillieri. Aktar ’il quddiem is-sindki u l-viċi sindki se jieħdu l-ġurament tagħhom sabiex mill-1 ta’ Lulju jiġu stabbiliti b’mod uffiċjali l-kunsilli lokali l-ġodda. Il-Kunsilli Lokali li twaqqfu f’Ġunju tal-1993 huma istituzzjoni importanti fit-tessut tal-Amministrazzjoni Pubblika għaliex dawn isaħħu d-demokrazija lokali.


Il-Prim Ministru Joseph Muscat fetaħ iċ-ċerimonja b’diskors li fih qal li jinsab ċert li l-ħidma fil-kunsilli ilha li bdiet, kemm għax ħafna reġgħu kienu kkonfermati u anke għax dawk li telgħu ġodda, għandhom għatx qawwi biex jibdew iservu l-lokalitajiet tagħhom, iżda aktar importanti minn hekk huma lesti biex ikunu ta’ servizz għar-residenti rispettivi. Huwa kompla billi qal li, “din il-ġurnata hija importanti aktar għax hija tfakkira tar-responsabilità li dħaltu għaliha, li kontu lesti li tagħmlu l-pass u terfgħu għax tridu tkunu minn ta’ quddiem nett fil-komunitajiet rispettivi tagħkom. Li tkun sindku, viċi-sindku, minority leader, kunsilliera huwa privileġġ li jkunu tawk in-nies, li jkun fdawk biex tieħdu ħsieb l-ambjent li jgħixu fih huma u uliedhom ta’ kuljum”.



Waqt l-indirizz tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li, “minn dawn il-464 persuna, ġew eletti b’kollox 191 persuna għall-ewwel darba u 63 minnhom huma nisa. Din hija qabża konsiderevoli bid-doppju mill-elezzjonijiet lokali ta’ bejn l-2007 u l-2009, fejn ġew eletti biss 31 mara għall-ewwel darba.”


“Dan kollu u aktar, jixhed kemm ix-xogħol li qiegħed jagħmel dan il-gvern biex inkomplu nippromwovu l-inklussività qiegħed iħalli l-frott għalkemm fadal xi jsir. Qegħdin naraw aktar u aktar opportunitajiet disponibbli, speċjalment għaż-żgħażagħ tagħna li din is-sena kellhom parteċipazzjoni attiva u b’saħħitha, grazzi għall-emendi li saru minn dan il-Gvern, fejn żgħażagħ taħt it-18-il sena mhux biss setgħu jivvutaw, imma wkoll setgħu jikkontestaw għall-Elezzjonijiet Lokali,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici.


Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis qal li dan il-ġurament jirrappreżenta r-responsabbiltà li l-Kunsillieri l-ġodda se jkollhom sabiex ikomplu jtejbu l-lokalitajiet u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Is-Segretarju Parlamentari tenna li r-riforma li dan il-Gvern għamel fi ħdan il-Gvern Lokali tista’ titwettaq biss jekk dawk kollha eletti jagħtu l-kontribut sħiħ tagħhom għall-ġid tal-lokal u tar-residenti. Hu tenna li l-Gvern ċentrali se jkompli jaħdem id f’id mal-Gvern lokali sabiex ikun ta’ sostenn għalih. Huwa għalaq billi appella lill-kunsilliera l-ġodda sabiex jingħaqdu lkoll bħala tim wieħed u jaħdmu flimkien sabiex f’pajjiżna jkollna lokalitajiet ta’ eċċellenza.




19 views0 comments
  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436