• Team Owen Bonnici

Daqt jitlesta x-xogħol ta’ restawr fuq il-faċċati tal-Arkivji Notarili



Daqt jitlestew ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-faċċati tal-Arkivji Notarili li qegħdin isiru mid-Direttorat tar-Restawr. Dawn iż-żewġ entitajiet, flimkien mal-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern, jaqgħu fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali. Inbeda wkoll xogħol ta’ alterazzjonijiet u ta’ restawr fuq ġewwa tal-binja li tmiss mal-Arkivji f’217, Triq San Pawl, il-Belt.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura  u Gvern Lokali Owen Bonnici żar ix-xogħlijiet ta’ restawr u qal li “permezz ta’ dawn l-interventi mhux biss qegħdin niżguraw il-preservazzjoni ta’ binjiet sbieħ u storiċi fi ħdan il-belt kapitali tagħna imma qegħdin nagħmlu l-Arkivji Notarili aktar aċċessibbli billi nagħmlu użu mill-potenzjal tagħhom għall-benefiċċju tal-komunità tagħna. Bħala gvern aħna impenjati biex inkomplu nsaħħu u ninvestu fil-wirt kulturali tagħna billi nsaħħuh bħala prodott kulturali kemm għall-Maltin u kif ukoll għall-barranin.”


L-intervent fuq il-faċċati tal-Arkivji Notarili jinkludi primarjament ir-restawr tal-ġebel deterjorat, it-tneħħija tal-kisi u tal-fili b’bażi ta’ siment, l-istabilizzazzjoni ta’ ġebel maqlugħ, tindif u tqegħid mill-ġdid jew bini mill-ġdid ta’ partijiet mit-tessut tal-franka li kienu nieqsa jew deterjorati.

Dawn ix-xogħlijiet jiffurmaw parti minn proġett ta’ riabilitazzjoni b’valur ta’ €5m, ko-finanzjat mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew (ERDF).


Il-proġett se jara t-trasformazzjoni ta’ 2 binijiet - l-Arkivji Notarili li jinsab f’palazz tas-seklu 18 fi 24, Triq San Kristofru fil-Belt Valletta, u l-binja li tmiss miegħu 217, Triq San Pawl. Dawn se jitniffdu u se jsiru ċentru ewlieni ta’ eċċellenza f’dak li jirrigwardja riċerka storika, konservazzjoni u xjenza. Għaldaqstant, il-fondi miksuba mhux biss qed jintużaw għall-preservazzjoni u għall-konservazzjoni tal-kollezzjoni li tgħodd ’il fuq minn 20,000 volum notarili li għandhom prestiġju internazzjonali u valur storiku u kulturali iżda wkoll biex l-Arkivji Notarili u l-kollezzjoni miżmuma jsiru tassew aċċessibbli għar-riċerkaturi u għall-pubbliku ġenerali.


Il-binjiet se jkunu integrati f’ċentru uniku li jilqa’ fih repożitorju li jżomm fih il-volumi kollha b’mod professjonali u fl-aħjar ambjent possibbli kif ukoll laboratorju state-of-the-art għall-konservazzjoni tal-karta. Se jkun hemm mużew u ċentru tal-viżitaturi li juri partijiet mill-kollezzjoni u b’hekk jattira aktar riċerkaturi lokali flimkien mal-pubbliku u mat-turisti kulturali. Dan il-proġett se jindirizza wkoll ħtiġijiet ta’ riċerka fosthom reading room ġdida u spazju għal lectures.


Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Socjali Aaron Farrugia qal li dan il-proġett iffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali huwa parti minn katina ta’ inizjattivi kulturali li qed jiġu appoġġjati mis-Segretarjat fosthom MUZA, Il-Palazz tal-Gran Mastru u t-Teatru Manoel.


Aaron Farrugia żied li dan hu proġett Ewropew li huwa parti min-nisġa ta’ identità Ewropea: il-wirt storiku kulturali Malti hu wkoll il-wirt Ewropew kif ġie diskuss waqt il-laqgħa għall-ministri Ewropej fit-3 ta’ Mejju wara t-traġedja ta’ Notre Dame. “Fil-laqgħa ġiet iffirmata dikjarazzjoni li tgħid li hemm bżonn investiment qawwi f’dan il-qasam permezz ta’ programmi ta’ fondi Ewropej bħal: ERDF, Creative Europe, u Horizon Europe kif ukoll network Ewropew ta’ esperti biex jgħin lill-membri stati jwettqu proġetti kulturali u storiċi bil-għan li nippreservaw u nissalvagwardjaw il-wirt kulturali Ewropew li ħafna minnu jinsab f’periklu li jintilef”.

Iċ-ċentru l-ġdid tal-Arkivji Notarili se jinkludi wkoll akkomodazzjoni għall-artisti u għar-riċerkaturi, spazju għad-diġitizzazzjoni tad-dokumenti kif ukoll area għall-voluntiera. Dawn il-faċilitajiet se jwasslu biex l-Arkivji Notarili jsiru fost l-arkivji interazzjonali ewlenin fir-riċerka u l-preservazzjoni u l-konservazzjoni tal-wirt tal-karta.


Ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-faċċati, b’investiment ta’ madwar €230,000, bdew f’April 2018 u diġà huma kważi lesti u koprew madwar 650 metru kwadru. Ir-restawr u l-alterazzjonijiet interni huma mistennija li jitlestew fl-aħħar kwart tal-2020.



 t: 2180 2000   m: 9946 5436