• Team Owen Bonnici

Daqt jitlesta r-restawr fuq il-faċċata taċ-Ċentru Parrokjali ta’ Ħal Safi



Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici żar ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-faċċata taċ-Ċentru Parrokjali ta’ Ħal Safi li sar mid-Direttorat tar-Restawr.


“Huwa grazzi għal proġetti bħall-Iskema ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali li nistgħu nkomplu nsaħħu l-wirt lokali tagħna permezz tar-restawr tas-siti u monumenti storiċi numerużi li għandhom sinifikat nazzjonali u lokali. Bħala Gvern aħna impenjati biex inkomplu nsaħħu l-prodott kulturali lokali li jifforma parti kbira mill-identità tagħna, u aħna rridu niżguraw li dawn verament ikunu aċċessibbli għal kulħadd biex ikunu apprezzati,” qal il-Ministru Bonnici.


Il-binja li fiha hemm iċ-Ċentru Parrokjali ta’ Ħal Safi inbena mill-Kavallieri ta’ San Ġwann u qabel kien jintuża bħala fortizza. Maż-żmien sarula xi żidiet u ġiet ikkonvertita f’post ta’ abitazzjoni.


Matul is-snin sittin u sebgħin, saru bidliet strutturali biex il-binja ġiet mibdula f’ċentru għaż-żgħażagħ. Matul is-snin tmenin kienet qiegħda tintuża għal xeni mis-serje “Riley Ace of Spies” wara numru ta’ snin li ma baqax jintuża. Għalkemm matul iż-żmien il-binja kienet tintuża għal attivitajiet tal-parroċċa, din ġiet rinovata fl-1991 biex isservi bħala ċ-Ċentru Parrokjali bħalma għadha tintuża llum.


Il-faċċata hija sempliċi u għandha żewġ torrijiet żgħar fuq il-qiegħ tal-faċċata, bi ftit aperturi kemm jista’ jkun għal raġunijiet ta’ sigurtà. L-unika fatturi preżenti mal-faċċata huma l-arma f’nofs il-faċċata u l-ixkafef tal-ġebel quddiem it-twieqi tas-sular ta’ fuq.


Ix-xogħlijiet li qegħdin isiru fuq il-faċċata tal-forti l-antika u d-dar ta’ ħdejha, li kollha jifformaw parti miċ-Ċentru Parrokjali.


L-aktar mekkaniżmu ta’ deterjorazzjoni komuni tal-binja kien it-tkabbir bioloġiku, li kien jgħatti ħafna mill faċċata u li ftit minnu kien f’forma ta’ qoxra sewda. Is-sular ta’ fuq tal-faċċata jidher li ma kellux saffi ta’ ġibs jew żebgħa fuq il-ġebla u l-arma kienet mgħottija b’qoxra u likeni u jista’ jkun li soffriet xi danni mekkaniċi xi darba. Il-parti t’isfel tal-faċċata kienet mgħottija minn ġibs iebes u taħtu kien hemm xi ġebel li kienu qed ifarfru. Fili neqsin u numru ta’ ġonot strambi kienu wkoll jidru fuq il-faċċata u l-ġebel ta’ fuq in-naħa tax-xellug kien qiegħed jiddisintegra u jfarfar.


Ix-xogħlijiet fuq il-binja kienu jinkludu t-tneħħija bl-idejn taż-żebgħa b’metodi delikati, kif ukoll it-tneħħija tat-tkabbir bioloġiku u l-qoxra s-sewda, ġebel li jfarfar, ħmieġ u nugrufun. Kwalunkwe ġebel delaminat li nstab matul ix-xogħlijiet ġie injettat b’likwidu apposa b’bażi tal-ġir. Vireg tal-carbon fibre ġew introdotti biex jorbtu s-saff dgħajjef mat-tessut li hu aktar b’saħħtu u l-partijiet fejn kienu qegħdin ifarfru ġew trattati b’konsolidanti apposta. Ġebel diżintegrat u b’danni kbar ġew mibdula, filwaqt li l-faċċata ġiet imkaħħla u l-partijiet neqsin tal-ġebla ġew imqiegħda mill-ġdid permezz ta’ teknika ta’ tiswija bil-plastik.

  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo