• Team Owen Bonnici

Carlo Gavazzi, eżempju ċar ta’ kif ir-riċerka u l-innovazzjoni huma ċ-ċavetta għat-tkabbir ekonomiku


Il-Ministru Owen Bonnici żar il-kumpanija internazzjonali Carlo Gavazzi u segwa l-ħidma tat-taqsima tar-riċerka u l-iżvilupp fi ħdan il-kumpanija. Din it-taqsima tippromwovi kontinwament soluzzjonijiet teknoloġiċi u innovattivi li jagħmlu differenza għall-aħjar lis-setturi tal-industrija li joperaw fiha.

Il-Ministru Bonnici qal li l-kumpanija Carlo Gavazzi hija eżempju ċar u b’saħħtu ta’ kif ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur privat huma ċ-ċavetta għal iktar kompetittività, ħolqien ta’ impjiegi ġodda u tkabbir ekonomiku. Qal ukoll li din il-kumpanija għandha għal qalbha l-innovazzjoni, tant li t-tim tagħha tar-riċerka u l-iżvilupp jammonta għal 15% tat-total tal-ħaddiema kollha.

Il-ministru appella biex iktar tfal u żgħażagħ jinteressaw ruħhom fl-edukazzjoni marbuta mas-suġġetti tax-xjenzi, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika u qal li Carlo Gavazzi hija eżempju ċar ta’ kemm hemm bżonn dawn il-ħiliet fid-dinja tal-lum u ta’ għada.

Il-prodotti li joħorġu minn din il-kumpanija huma maħluqa, żviluppati, manifatturati u ttestjati kollha lokalment. Il-kumpanija tikkollabora wkoll mal-Università ta’ Malta u mal-MCAST għat-taħriġ tal-istaff u tal-apprentistat. Riċentament, ipparteċipat fi programmi offruti minn diversi entitajiet, inkluż il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST), bħala għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp tal-prodotti tagħhom.

Il-kumpanija, li twaqqfet Malta fl-1978, hija responsabbli minn Switches, product line portfolio bil-klijenti ewlenin tagħhom huma kumpaniji li jimmanifatturaw prodotti għall-ventilazzjoni, l-arja kkundizzjonata, l-ippakkjar u għall-ikel u x-xorb. It-taqsima tar-riċerka u l-iżvilupp fi ħdan il-kumpanija twaqqfet fl-1998.

Iż-żjara inkludiet Surface Mount Technology Production Tour fejn il-ministru segwa l-linja tal-produzzjoni waqt li kienet qed issir. Il-ministru pparteċipa f’Research and Development Tour (żjara dwar ir-riċerka u l-iżvilupp) li jsir mill-kumpanija stess, flimkien mad-diriġenti tagħha. Jakkumpanjaw il-ministru kien hemm l-Inġinier Noel Micallef, general manager tal-kumpanija u l-Inġinier Roger Galea li hu l-manager tar-riċerka u l-innovazzjoni.

Il-kumpanija Carlo Gavazzi ġiet premjata diversi drabi bi premji tal-innovazzjoni fis-settur tal-innovazzjoni f’Malta.




1 view0 comments
  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436