• Team Owen Bonnici

Ballun spazjali ttella’ minn Malta sabiex jieħu ritratti li se jipprovdu informazzjoni xjentifika



L-ewwel ballun spazjali fil-gżejjer Maltin, l-iSTRATOS-1 ittella’ fis-smewwiet biex jaqbad immaġini tal-gżejjer mill-ispazju li qatt ma rajna bħalhom f’Malta qabel. Dawn l-immaġini mistennija jkunu t’għajnuna għax-xjentisti biex jistudjaw l-istratosfera Mediterranja.

Il-ballun tal-arja tela’ 37km 'il fuq minn Malta, biex jiġbor informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet atmosferiċi, il-fond tal-baħar u s-saħħa tal-veġetazzjoni li tinsab fih, biex jipprovdi waħda mill-ewwel immaġini iperspettrali tal-gżira – mappa eżatta taż-żona.

Din l-attivita’ li saret minn Villa Bighi, issegwi l-iffirmar ta' kollaborazzjoni ta' tliet snin bejn il-Ministeru għall-Ugwaljanza, Riċerka u Innovazzjoni u l-Università ta' Malta, permezz tal-Istitut tax-Xjenzi Spazjali u l-Astronomija (ISSA), biex l-ispazju jsir aktar aċċessibbli.

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, Riċerka u Innovazzjoni, Dr Owen Bonnici, qal: "Illum Malta qed tagħmel xi ħaġa li ma saritx qabel. Aħna rridu l-iżvilupp ta' aktar kapital uman fis-settur spazjali u qed naħdmu biex nintroduċu aktar opportunitajiet għall-istituzzjonijiet industrijali u edukattivi biex jipparteċipaw fihom."

Il-Ministru Bonnici spjega li dan il-proġett għandu wkoll l-għan li jinvolvi lill-ġenerazzjoni żagħżugħa u jżid l-interess fis-suġġetti STEM u r-riċerka spazjali b'mod partikolari.

Din l-operazzjoni ġiet ikkoordinata mit-Task Force dwar l-iSpazju u kienet teħtieġ l-għarfien espert tal-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili u tal-Forzi Armati ta' Malta.

Il-kamera ġiet mgħammra b'apparat tal-GPS, ipprovdut minn Medcomms Ltd, li jaħdem f'żoni fejn m'hemm l-ebda kopertura tat-telefon ċellulari biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-vettura spazjali f'ħin reali hi u nieżla.

Il-fundatur tal-ISSA, il-Prof. Kristian Zarb Adami, qal: "Irridu li iktar tfal żgħar — speċjalment il-bniet — biex jitħajru sa minn eta' ċkejkna jibdew karriera fix-xjenzi, filwaqt li tqajjem fihom kurżità dwar l-għeġubijiet ċelestjali tagħna."

Huwa żied jgħid li l-ISSA, li ilha attiva fil-qasam tar-riċerka spazjali għal kważi għaxar snin, qed tkompli taħdem bla heda biex tispira kemm lill-ġenerazzjonijiet iżgħar kif ukoll lil dawk akbar fl-età biex iħarsu lejn is-smewwiet.

Il-Prof. Zarb Adami laqa' wkoll id-deċiżjoni tal-Ministeru li jisponsorja PhD, li se jeżamina l-informazzjoni miġbura minn din l-attivita’ li għandha twassal għall-ewwel dejta xjentifikament importanti mill-istratosfera.





1 view0 comments