Ir-riforma li qed immexxu ’l quddiem dwar l-użu responsabbli tal-kannabis, attirat interess kbir minn ħafna persuni.
Ċertament li l-maġġoranza tal-Maltin jafu lil xi ħadd jew ieħor li ġieli għamel użu mill-kannabis, u ċertament allura jafu li l-konsum responsabbli ta’ kannabis ma jagħmilx persuna kriminal, u allura m’għandux jiġi meqjus bħala tali.
Diversi nies tkellmu favur din ir-riforma u fehemu li bis-saħħa ta’ din ir-riforma se nkunu qed inwettqu miżura b’saħħitha ta’ harm reduction li bis-saħħa tagħha se nkunu qed inwaqqfu dak li kien qed jiġri sal-llum fil-konfront ta’ ħafna nies, illi matul is-snin tressqu l-qorti jew tribunali jew anke’ ġew arrestati minħabba li jkollhom fil-pussess tagħhom ammonti żgħar ta’ kannabis jew ikunu kabbru xi pjanti ta’ kannabis fid-djar.
Maż-żmien indunajna, li dak li suppost kien qed iservi ta’ deterrent, kien qed iservi biex jikkawza hsara rreparabbli fuq il-persuna.. L-istess ġara f’pajjiżi oħra. Anke’ meta ħraxu l-pieni relatati, il-konsum ma naqasx. Fil-kas ta’ użu ta’ ammonti ta’ kannabis ghal uzu personalo , ma jidhrilniex li jkun xieraq li persuna jkollha tgħaddi minn trawmi ta' qrati u tribunali li jafu jħallu fuqha effetti negattivi anke fit-tul, fuq ħajjitha.
Raġuni oħra għalfejn diversi persuni faħħru din il-liġi hija illi qed toħloq sors regolarizzat u safe minn fejn persuna adulta jekk tagħżel li tagħmel użu ill-kannabis, tkun tista’ tikseb il-kannabis.
Aħna bħala Gvern dejjem nippromwovu l-aħjar għażliet għall-benesseri ta’ dak li jkun, pero’ jekk hemm adult illi jagħżel b’mod konxju u b’mod infurmat li jagħmel użu mill-kannabis allura aħna, fil-fehma tagħna għandna nassiguraw li jkun hemm rotta regolarizzata minn fejn il-kannabis tkun tista’ tinkiseb.
Allura nħossu li għandna nżidu l-informazzjoni u l-edukazzjoni dwar il-kannabis, l-effetti u anke’ r-riskji li tista’ ġġorr magħha, inkomplu noffru varjeta’ ta’ għażliet favur il-benesseri fiżiku kif ukoll psikoloġiku taċ-ċittadini tagħna, imma dan kollu bla ma nħallu li persuna li tixtieq tagħmel użu responsabbli mill-kannabis tigi trattata b'mod daqs li kieku ma tezistix.
Li jkun hemm sistema regolarizzata kif wieħed jista’ jakkwista l-kannabis, ifisser li dak li jkun m’għandux għalfejn imiss ma’ kriminalita u mal-black market. Kif wieħed jista’ jobsor, traffikant tad-droga mhux se jagħti kas l-eta’ ta’ min jiġi jixtri, wisq anqas se jagħti kas il-kwalita tad-droga li qed ibigħ. Anzi jinteressaħ biss, li jagħmel iktar flus.
Dan ifisser li ħafna drabi d-droga tiġi mħallta u miżjuda sustanzi li ta’ spiss ikunu jagħmlu ħsara iktar mid-droga nnifisha. Sorsi regolarizzati jfissru li dak li jkun se jkun jaf dejjem x’qed jikseb, u se jingħata wkoll l-informazzjoni jew sapport kollu li jista’ jkollu bżonn.
Fl-istess waqt irridu wkoll inpoġġu fis-seħħ regoli illi jieħdu ħsieb jipproteġu lill-minorenni u lis-soċjeta’ in ġenerali għalhekk pereżempju se naraw li jekk xi ħadd ikabbar il-pjanti d-dar, dawn ma jkunux jistgħu jidhru minn barra. Jekk hemm tfal, dawn ma jistgħux jiġu esposti għall-kannabis jew għal affarijiet relatati, tipjip quddiem it-tfal ma jistax isir, tfal ma jistgħux jidħlu ġol-outlets illi jagħtu l-kannabis, u dawn huma biss uħud mill-miżuri.
Hemm pieni u multi mhux żgħar għal min jikser il-liġi f’dan il-kamp.
Waqt li nnaqqsu mit-tikketta tal-kriminalita fejn jidjol l-użu tal-kannabis, se nkunu nistgħu nikkonċentraw aktar l-isforzi tagħna fuq l-infurzar tar-regoli li tassew jagħmlu sens. Dan kollu waqt li naċċertaw irwieħna li jkun hemm iktar aċċess għas-servizzi ta’ sapport u ninkoraġġixxu lil min jixtieq ifittex l-għajnuna jersaq ifittixha, mingħajr ma jħossu mhedded li se jinqabad li qed jikser il-liġi.
Pero’ kien hemm ukoll min ikkritika din il-liġi, u fil-fehma tiegħi, in-nies li kkritikaw din il-liġi għamlu dan mingħajr ma fehmu kemm hu importanti li jkun hemm rotta legali u safe minn fejn persuna tista’ tottjeni l-kannabis, għaliex ikun inutli jekk ngħidu li ma rridux nies jitressqu l-qorti u ma rridux naraw nies jiġu arrestati u ma rridux naraw nies jitressqu quddiem it-tribunal, jekk imbagħad dawn l-istess nies ma ntuhomx rotta safe u regolarizzata minn fejn jistgħu jiksbu l-kannabis, għax inkella x’inhi l-alternattiva għalihom dawn in-nies? Li jmorru għand it-traffikant tad-droga li se jbellgħalhom li jaqbillu? Li jkabbru l-pjanta bir-riskju li jekk jinqabdu jispiċċaw il-qorti u anke’ jistgħu jmorru l-ħabs?
Fil-fehma tagħna ma tistax tifred il- kwistjoni tar-rotta safe u regolarizzata mill-bżonn illi nieqfu nweġġgħu n-nies kif ilna nagħmlu ħafna u ħafna snin, li jwassalna allura għall-kwistjoni prinċipali ta’ dan kollu.
Id-domanda tigi wehidha: kif ħa nassiguraw li jkun hemm is-serjeta’ meta tidħol fis-seħħ din il-liġi? Hawn min qed jipprova jpengi li kif tidħol fis-seħħ din il-liġi, se tkun xi xalata fejn kulħadd jagħmel li jrid. Dan mhuwiex il-kas assolutament, anzi aħna ħa nwaqqfu awtorita’ ġdida li għandha l-għan li tirregola s-settur u tara li jkun hemm is-serjeta’.
Din l-awtorita’ se tieħu ħsieb tirregola l-assoċjazzjonijiet minn fejn tinkiseb il-kannabis u tara li r-regoli jiġu ridpettati. Se tara li tmexxi ‘l quddiem informazzjoni, riċerka u anke’ pariri dwar il-qasam tal-kannabis.
L-impenn tagħna huwa li fi ħdan din l-assoċjazzjoni jkun hemm nies kapaċi, b’riżorsi tajbin u ħaddiema mħarrġa sewwa. Se naraw li din l-awtorita’ tkun awtorita’ li tikseb l-appoġġ u li tikseb il-fiduċja tal-maġġoranza wiesgħa tas-soċjeta għaliex ikun fiha nies tajbin u ta’ min jorbot fuqhom li għandhom reputazzjoni pozittiva ħafna fid-dixxiplini rispettivi tagħhom.
Din l-awtorita’ se jkollha wkoll bord magħmul minn tmien persuni. Importanti li naraw li dawn in-nies ikunu ġejjin mill-isferi differenti tal-opinjonijiet dwar is-suġġett tal-kannabis u li jkunu nies li jattiraw u jistħoqilhom ir-rispett ġenerali mis-soċjeta’ għall-ħidma li huma jagħmlu.
Aħna nifhmu li kull bidla b’saħħitha tista’ ġġib magħha biżgħat jew inċertezzi, imma ma nistgħux nibqgħu b’rasna mgħaddsa fir-ramel u nibqgħu ninjoraw ir-realtajiet u l-bidliet kontinwi li qed isiru madwarna.
Aħna nemmnu li din ir-riforma għandha l-opportunita’ li tpoġġi lil pajjiżna bħala eżempju għal pajjiżi oħra fuq livell Ewropew u anke lil’hinn, għax se nkunu qed inħaddmu fil-prattika u b’mod sostnut politika b’saħħitha ta’ harm reduction li tirrifletti tassew il-ħtiġijiet u l-eżiġenzi tas-soċjeta’ tal-llum.
コメント